Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Tifkira tal-Kanonku Dun Ġużepp Bonello (1927 - 2008)




Eman Bonnici


Il-Kanonku Kantur Dun Ġużepp Piju Bonello twieled ġewwa Strada Toro f’Bormla, nhar it-30 ta' Novembru ta’ l-1927, bħala l-uniku wild ta’ Nazzareno Bonello u Antonia Buhagiar.


Refuġjat flimkien mal-familja tiegħu u ma’ għadd kbir ta’ kompajżani Bormliżi fiż-Żejtun matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Bonello studja fis-Seminarju tal-Arċisqof kif ukoll fl-Universita' ta' Malta u fil-kors tiegħu kien hemm fost l-oħrajn il-Kanonku Teżorier Dun Gustav M. Barbara tal-Kolleġġjata ta’ Bormla, li miet ta’ 73 sena, nhar is-Sibt, 8 ta’ Marzu 2003.


Huma kienu ordnati Presbiteri nhar is-7 ta' Awwissu 1955, minn Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta. Nhar il-festa ta' Sant'Andrija ta’ l-1957, f'għeluq it-tletin sena tiegħu, Dun Ġużepp kien appuntat bħala Kanonku tal-Kolleġġjata Perinsinji ta’ Maria Immakulata ta' Bormla flimkien ma’ l-istess Dun Gustav Barbara.


Okkupa d-Dinjitajiet ta’ Prepostu mill-1980 sal-1995, meta nħatar Kantur tal-Kapitlu, kariga li okkupa sa mewtu.


Sagristan Maġġur u Arkivista tal-Kolleġġjata, Dun Bonello kien ukoll fost affarijiet oħra il-Prokuratur ħabrieki tal-Festa ta' San Ġużepp f'Bormla, tant li fis-sena 2003, ħa ħsieb itella' Akkademja sabiex jitfakkar l-Ewwel Ċentinarju mindu l-istatwarju Abram Gatt lesta l-Vara devota ta' San Ġużepp li għandna meqjuma ġewwa l-Parroċċa tagħna ta’ Bormla. 


Għal żmien twil, kien jieħu ħsieb il-Knisja ta' San Pawl ta' Bormla. B’żieda ma' kull ma’ semmejt, irrid nsemmi li Dun Bonello kien Oratur ta’ fama, mfittex b'mod partikulari għall-Paneġierki kif ukoll għall-Eżerċizzji Spiritwali. Fl-istess waqt kien ukoll awtur ta' numru kbir ta’ artikli b’temi u avvenimenti storiċi u għadd ta’ profili.


Minbarra l-kariga fi ħdan il-Kapitlu ta' Bormla, Dun Ġużepp kien Uffiċċjal tal-Kurja ta' l-Arċisqof, Uffiċċju li żamm għal 52 sena sħaħ.


Fl-1985 inħatar Viċi - Kanċillier tal-Kurja u kien ir-raba' Direttur Spiritwali tal-Grupp Kultura Marjana.


Fil-ħidma pastorali tiegħu fi ħdan il-Parroċċa ta’ Bormla, ill-Kanonku Bonello kien ukoll Direttur tal-Fergħa tan-Nisa tal-Leġjun ta' Marija, tal-Grupp Familji Nsara u kif ukoll taċ-Ċenaklu Opri tal-Vokazzjonijiet. Għal għoxrin sena kien id-Direttur taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara f'Bormla.


Fis-Seduta Ġenerali tal-Kumitat tal-Banda San Ġorġ ta' Bormla li kienet saret f'Marzu 1969, il-Kumitat imsemmi ħatar lil Dun Ġużepp Bonello bħala d-Direttur Spiritwali tal-Banda Bormliża, wara l-mewt ta' l-Ex Direttur Spiritwali tagħha, il-Kanonku Arċipriet Dun Ġużepp Cassar DD., JCB., li  miet ta’ 69 sena nhar is-27 ta' Settembru ta’ l-1968. Bonello żamm din il-kariga sa mewtu, u l-Banda San Ġorġ akkumpanjatu fil-Korteo Funebri tiegħu, mill-Kolleġġjata għall-inħawi msejjħa tal-Bastjun.


Matul is-snin twil li huwa ħadem fi ħdan il-Każin, Bonello rregala fost affarijiet oħra lill-Banda San Ġorġ l-bandiera l-kbira tal-Papa li għadha tittajjar sal-lum u kif ukoll l-inkwadru l-kbir tal-Vara ta' l-Immakulata Kunċizzjoni li jinsab fis-Sala tal-Każin.
Nhar il-Ġimgħa, 17 ta' Ġunju 2005, Dun Ġużepp iċċelebra Quddiesa Solenni fl-Okkażjoni tal-Ħamsin Sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.


Il-Kanonku miet fl-Isptar Mater Dei nhar it-Tnejn, 21 ta’ Lulju ta’ l-2008, fis-1.15 am., fl-eta’ ta’ 80 sena. Il-Funeral tiegħu sar fil-Kolleġġjata ta’ Bormla nhar is-Sibt 26 tax-xahar fit-8.30 am., u wara l-Quddiesa, il-korteo funebri kien akkumpanjat kif imsemmi mill-Banda San Ġorġ mat-toroq ta’ Bormla. Il-Kanonku ndifen f’wieħed mill-Oqbra tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ Bormla, ġewwa ċ-Ċimiterju ta’ Santa Maria Addolorata, f’Raħal Ġdid.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com