Il-Kelma ta' l-Arċipriet
Infittxu t-Tajjeb
Kan. Joe Mifsud

L-esperjenza tgħallem li f’kull persuna hemm it-tajjeb. Kultant il-kaxxa ta’ moħħna taħdem b’mod riġidu, titmexxa mill-preġudizzji u tingħalaq għad-djalogu. Malajr naslu għall-ġudizzju u l-konklużjoni fuq ħaddieħor. Ħalli nagħtu ftit eżempji:-
-
Persuna li żbaljat nittimbrawha għal għomorha.
-
Xi ħadd li ma jaqbilx mal-fehma tagħna hu żbaljat
-
Kulur differenti tal-ġilda joħolqilna suspett u biża’
-
Nies li ma jiġux knisja, nibgħatuhom l-infern
-
Id-dehra fl-ilbies ta’ ċerti żgħażagħ twassalna nbaxxuhom.
L-attitudni tagħna tista’ tkun miftuħa għall-oħrajn meta kapaċi noħolqu spazju f’qalbna għalihom biex naċċettawhom, inħobbuhom u ngħixu flimkien. Il-mentalita’ tagħna trid tgħaddi minn konverżjoni sħiħa biex neħilsu minn diskors u mġieba li juru nuqqas ta’ rispett, ġudizzju u kundanna.
Esperjenzi oħra komplew għallmuni kemm tassew jekk tfittex issib it-tajjeb fl-oħrajn. Dan l-aħħar ġew għandi żgħażagħ, adulti b’pożizzjoni tajba fis-soċjeta’ li qegħdin isaqsu u jfittxu l-verita’ dwar Alla f’ħajjithom. Mhux għax imħawdin, lanqas għax kesħin jew ribelli. Huma żgħazagħ li jaħsbu b’mod sinċier. Żgħażagħ li jgħixu ħajjithom b’responsabbilta’, saħansitra b’impenn għas-soċjeta’. Bqajt impressjonat li għalkemm jgħidu li ma jemmnux, oħrajn li qegħdin ifittxu għandhom ħafna valuri b’mod konvint u sod. Kienu esperjenzi li għallmuni nisma’ bla ma nkun preġudikat, niddjaloga mingħajr ma nimponi, noħroġ b’enfasi fejn naqblu aktar milli f’hiex ma naqblux. U tassew għaraft kemm hemm tajjeb f’kull persuna.
Temmen fil-qawmien ta’ Kristu meta tfittex lilU f’kull persuna u sitwazzjoni Anke min jgħid li ma jemminx, għandu fih żerriegħa li tista’ tikber u tagħti aktar frott. Il-fidi tgħolli u tqaddes dak kollu li hu uman u taħdem biex twasslu ħalli jsir aktar sħiħ. F’dan iż-żmien ta’ l-Għid, min jagħmel l-esperjenza ta’ l-Irxoxt ifittex issib is-sabiħ fl-ikrah u t-tajjeb fil-ħażin. U l-bniedem li mhux ħażin, għandu fih ħafna tajjeb. Nemmen meta persuna oħra ngħinha toħroġ minna dak li hu tajjeb, tkabbru u flimkien inxerrdu t-tajjeb.
L-Arċipriet |