Il-Kelma ta' l-Arċipriet
Koppji ta' Tama
Kan. Joe Mifsud

Bdejt ninnota koppji żgħażagħ li flimkien mat-tfal tagħhom qed narahom spiss għall-quddiesa nhar ta’ Ħadd. Xi ħaġa tassew sabiħa u ta’ kuraġġ. X’effett qawwi qed iħallu fuq uliedhom; lanqas ħadd ma jafu! Żgur li fil-futur, jaħsdu l-frott. Familja li tibni fuq Alla b’serjeta’ u sinċerita’ tkun qed tinbena fuq blat sod.
Kemm hu meħtieġ li dawn il-koppji jħossuhom milqugħin meta jiġu l-Knisja u jsibu rabta u post fil-komunita’. Jingħataw attenzjoni. Mhux il-każ li ngergru jekk it-trabi jibku u t-tfal joqogħdu jiċċaqalqu. Irridu neddukawhom bil-mod il-mod, imma nkunu għaqlin li b’ċerti kummenti jew attitudnijiet ma nnaffruhomx.
Koppji bħal dawn inħeġġiġhom jingħaqdu flimkien. Fil-preżent fil-parroċċa tagħna, il-grupp tal-koppji li jiltaqa’ kull xahar hu waħda mill-isbaħ esperjenzi ġodda u tassew sbieħ li għadna. Jidher ċar li għandna koppji tajbin. Għadna koppji b’interess qawwi li jkollhom żwieġ hieni u familja magħquda. Jidher ċar li għandna koppji li għarfu kemm jagħti togħma tajba s-sens ta’ Alla. Nitgħallmu mingħand xulxin. Noffru support u kuraġġ lil xulxin. Tassew li l-messaġġ ikun dejjem positiv: Tama u Qawwa.
Mhux parir tajjeb li koppja tingħalaq f’dinja għaliha u tinqata’ waħidha. Irridu nkomplu nikbru. Irridu nkomplu nitgħallmu biex infejqu lil xulxin u nagħtu kumplimentarjeta’ sħiħa lil xulxin. Anzi l-idejal hu li l-koppji jinfetħu f’missjoni għall-koppji oħra. Tant hawn bżonn dawn il-koppji li jagħtu l-ħajja, isalvaw u jerfgħu koppji oħra. Kull koppja għandha tiftakar li fadal tama għaliha jekk għaddejja minn żmien diffiċli. Kull koppja għandha ħafna x’toffri. Flimkien inkomplu nuru s-sbuħija tal-ħajja ta’ koppja; speċjalment fiż-żwieġ u f’familja nisranija.
Marija Immakulata tħares u tbierek il-koppji tagħna biex jersqu aktar lejn l-esperjenza li jagħrfu lil Alla u jkunu missjunarji ma’ koppji oħra.
L-Arċipriet
|