Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


“Festa Sabiħa


Kan. Joe Mifsud


 

Fi żmienna sar aktar urgenti li nfittxu r-raġuni għaċ-ċelebrazzjoni ta’ kull festa. Jiżbalja min jorbot il-festa mal-briju. Jiżbalja min jinqeda bil-festa għall-pika u l-firda. Jiżbalja min iżeffen l-abbuzi ta’ l-alkohol u d-droga, id-dagħa u n-nuqqas ta’ modestja. Jiżbalja min jirraġuna  ‘l-festa tagħna u nagħmlu li rridu‘ . Jiżbalja min jara l-ħażin, jagħlaq għajnejh u jsodd ħalqu, biex kollox jibqa’ għaddej. Jiżbalja min ma jaqdix dmiru.

Il-festa, min-natura tagħha hija nisranija, u għalhekk trid tkun iċċelebrata b’mod nisrani. Il-festa hija responsabilta tal-parroċċa. Bis-sehem tal-forzi ta’ l-ordni fis-soċjeta; bil-koperazzjoni tal-każini, għaqdiet non-governattivi u ndividwi; u fuq kollox bil-parteċipazzjoni tal-komunita’. Imma l-festa isimha magħha, hija l-festa tal-parroċċa u allura taqa’ fir-responsabilta’ ta’ min għandu l-awtorita’ fil-Knisja.

Wara li l-mod kif kienu qed isiru l-festi f’pajjizna kien qabeż il-limiti, qed isir sforż biex il-festi jsiru b’rispett lejn l-identita tagħhom, b’rispett lejn il-persuni u l-liġijiet u b’rispett lejn il-qaddis/a li tagħha tkun qed issir il-festa. Is-sens ta’ ċivilta u edukazzjoni flimkien mas-sens tal-fidi għandhom jidhru f’kull mod kif tkun iċċelebrata l-festa. Kull ezaġerazzjoni tnaqqas is-sbuħija tal-festa.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Marija Immakulata hija tassew festa li tiġbed ħafna nies minħabba d-devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni u l-ispirtu pozittiv li bih tkun iċċelebrata l-festa. Ta’ qabilna għallmuna ħafna valuri u ħallew ħafna tifkiriet u eżempji sbieħ. Ta’ llum irridu noqogħdu attenti. Irridu niċċelebraw festa nisranija u festa ta’ fidi lil Marija Immakulata b’mod li elementi baxxi u miftuma mill-Vanġelu ma jidħlux fil-festa.

Dan jurina l-importanza li nersqu għas-sagrament tal-qrar u nieħdu sehem fil-quddies. Li niftħu qalbna għall-katekezi tal-kelma ta’ Alla li taslilna waqt in-novena. Li nxerrdu l-ferħ li taqsam magħna Marija fil-ħrug u d-dħul tal-vara. Li niċċelebraw fil-familji tagħna fi spirtu ta’ għaqda u ta’ mħabba. Li kollox isir b’mod ċivili u nisrani f’dak li jferraħna fuq l-estern. Li nilqgħu lil kull min jixtieq jifraħ magħna. Li naħsbu f’min għaddej mit-tbatija u d-diffikulta’.

Nitlob lil Marija Immakulata tmiss il-qlub u l-familji tagħna lkoll biex tigbidna lejn ” kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu qaddis, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-qima,  kull ma hu virtu, kull ma ħaqqu tifħir” (Fil 4,8)

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com