Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Wara l-Festa


Kan. Joe Mifsud


 

Dan hu l-ewwel ċans wara l-festa li nista’ naqsam magħkom ħsibijiet li għaddew minn moħħi. Qbilna li għal darb’ oħra kienet festa tixraq lil Marija Immakulata. Kiber is-sens ta’ kollaborazzjoni u koperazzjoni. Dan juri sens akbar ta’ maturita` umana u nisranija.

Iżda min jafni, jaf li dejjem tajjeb ittejjeb il-prodott. Tħares ’l quddiem u tibdel l-entużjażmu u l-ħeġġa f’azzjonijiet konkreti. B’dan il-ħsieb xtaqt naqsam magħkom dawn il-punti.

 

  1. Kien hemm attendenza tajba għall-funzjonijiet tas-Salve. Ħlief dik taż-żgħażagħ, adolexxenti u persuni b’diżabilita`. Għandna sfida quddiemna. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa qed titlaqna. Jew tieqaf biss f’dak li hu armar ta’ barra. Ftit snin ilu ma kienx hekk.

 

  1. Inħsadt. Ma kenux aktar minn erbgħa l-koppji li żżewġu matul din is-sena u attendew għall-quddiesa tas-Salve fil-jum tal-familja. Ma naħsibx li għax imħabbtin jew ma għandhomx ħin. Aktarx li qed ngħaddu mingħajr ma nqaddsu l-Jum tal-Ħadd. Aktarx li qed ngħaddu mingħajr ewkaristija, forsi anke mingħajr Alla.
  1. Dejquni. Irċevejt l-awguri tal-festa b’ritratt tal-Kunċizzjoni mingħand deputati u kandidati politiċi. Ma tafux li l-Kunċizzjoni ta’ kulħadd, li ma għandhiex kuluri ta’ naħa jew oħra. Jekk jogħġobkom, ħalluhielna.

 

Bdejna sew is-sena 2008. Fil-11 ta’ Frar, infakkru l-150 sena mid-dehriet tal-Verġni Marija f’Lourdes. Dehriet li fihom Marija stqarret li hija l-Immakulata Kunċizzjoni. Aħna qed infasslu programm pastorali biex niċċelebraw din il-ġrajja. Is-sejħa għall-penitenzi u t-talb li għamlet Marija jwassluna għall-konverżjoni aktar profonda f’ħajjitna. Dan ifisser iż-żmien tar-Randan. U għalhekk, din is-sena ddedikata lil San Pawl inżommu f’moħħna kliemu:

“Araw, issa hu ż-żmien it-tajjeb;
araw, issa hu jum is-salvazzjoni”.

Nittama li din is-sena niltaqgħu aktar b’interess għall-eżerċizzi.


L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com