Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Nibnu l-Belt ta' Alla


Kan. Joe Mifsud


 

Hawn min hu tal-fehma li l-insara bħala komunita’ li tissejjaħ Knisja jaħarbu  fir-rejalta’ ta’ ħajja oħra u qishom ma jimpurtahom xejn minn din id-dinja. Oħrajn huma tal-fehma li meta l-Knisja tiftaħ ħalqha tkun qed tindaħal f’qasam li mhux tagħha.

Illum, il-qasam tal-karita’ qed ikun essenzjalment marbut mal-virtu’ tal-ġustizzja. Żgur li l-Knisja ma tistax tfarfar id-dmir tagħha fil-bini u t-tiġdid ta’ kull soċjeta’ u tad-dinja.

Viżjoni bħal din għandha tistieden lill-insara li joqogħdu fil-belt ta’ Bormla biex jirriflettu dwar il-qagħda soċjali tal-belt. Viżjoni bħal din għandha tistieden lill-insara ta’ Bormla biex jifhmu sewwa l-missjoni partikulari u speċjali tagħhom għall-belt Bormliża. Viżjoni bħal din għandha twassal lill-insara Bormliżi biex jindunaw bil-bżonn urġenti li jgħaqqdu l-forzi ħalli jwettqu azzjoni soċjali li tgħin fil-bini tal-belt.

Żgur li ħafna jaqblu fuq il-bzonn li għandu jsir xi ħaga. Żgur ukoll li jsir ħafna diskors ta’ kritika u paraguni. Xi ħaġa x’imkien mhix taħdem. Il-parroċċa tagħraf l-impenn tagħha lejn is-soċjeta’. Il-parroċċa ma għandhiex missjoni soċjali li tieqaf fl-organiżazzjoni tal-festi u l-purċissjonijiet. Anzi, s-sinjali li qed ngħixu fihom juri li l-belt tagħna għandha prijoritajiet aktar urġenti u mportanti. Il-parroċċa għandha dmir u trid li barra li twassal leħen ċar fuq il-ħajja soċjali, fl-istess ħin turi r-rieda tajba tagħha u tgħaqqad il-forżi li jeżistu.

Forsi huma ftit dawk li qed jaraw din il-viżjoni u li jifhmu l-impenn propju tagħhom?
Fostna jinħass nuqqas ta’ riżorsi umani. Nuqqas ta’ “leaders”. Jekk nagħtu ħarsa lejn il-personel fis-soċjetajiet u l-għaqdiet tagħna nsibu konferma ta’ dan.  Hu l-waqt li  xi ħadd inissel il-konvinzjoni marbuta ma’ mpenn biex din il-belt tigi ”restawrata” ħalli tinbena bħala belt ta’ livell u ta’ nteress. Hu l-waqt li kull min għandu sens ċiviku ħaj fih iħalli l-kuraġġ , il-ħeġġa u r-responsabilta’ jaħdmu fih biex joffri l-enerġija u s-servizz  tiegħu.

J’Alla jinħolqu aktar inizjattivi fostna li jħallu marka billi jgħollu l-moral u l-ispirtu tal-ħajja tagħna flimkien. J’Alla jikber sens ta’ kuxjenza biex mhux talli ma ssirx ħsara, imma tikber il-parteċipazzjoni u l-ħidma flimkien. J’Alla kull sforz isib support minn min għandu setgħa u saħħa. J’Alla l-element żagħżugħ li fadal fostna jasal ghal dan l-għarfien soċjali biex jidħol f’dan il-proċess.

Nibqgħu nittamaw ifisser li nifhmu r-rejalta’ tagħna u nwettqu programm ta’ azzjoni soċjali li l-effett tagħna jkun jidher. Imma jeħtieg li nibdew. Imissna ġa bdejna. Hawn wisq diżappunti li hemm bżonn jintrebħu.

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com