Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Ġgant Rieqed


Kan. Joe Mifsud


 

B’dan il-kliem, il-Papa Piju XII kien iddeskriva lil-lajċi nsara. Ma kienx tort tagħhom li baqgħu rieqda, għax sew it-tagħlim u kemm il-mexxejja tal-Knisja kienu għadhom ma fehmux u ma fissrux min huma l-lajċi nsara u l-missjoni tagħhom.

Il-famuż teologu Yves Conpan o.p. neħħa l-istampa falza li l-lajċi qegħdin hemm biex jitolbu, iħallsu d-dieċmi u jobdu. Kien qal li s-seklu għoxrin hu “s-siegħa tal-lajċi”.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II wara sinodu ta’ l-isqfijiet ħareġ l-eżortazzjoni appostolika “Christi Fideles Laici” (30/12/1988) dwar l-identita` u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja u fid-dinja.

Fl-arċidjoċesi tagħna l-Arċisqof Pawlu Cremona o.p. qed isejjaħ lil-lajċi biex ikunu PROTAGONISTI fil-Knisja u fid-Dinja fiż-żminijiet ta’ llum. X’qed nifhmu meta ngħidu lajċi nsara protagonisti?

  • Il-lajċi nsara rċevew sejħa li hi proprja tagħhom mill-Ispirtu s-Santu u mhux għax sejħilhom xi arċipriet biex jgħinuh.

 

  • Il-lajċi nsara minħabba li rċevew il-magħmudija jagħmlu sehem mill-poplu miksub ta’ Alla, li minnu joħorġu diversi kariżmi u ministeri.
  • Il-lajċi nsara jaqsmu mill-missjoni ta’ Kristu Saċerdot, Profeta u Ragħaj; billi jqaddsu d-dinja, jagħtu xhieda tal-Vanġelu u jibnu s-Saltna t’Alla.

 

  • Il-vokazzjoni proprja tal-lajċi nsara hija l-għixien tal-fidi fid-dinja. Mhix magħluqa fil-bini tal-knisja, imma miftuħa u mwettqa fir-realta` soċjali. L-importanza mhix il-Knisja, imma d-Dinja.
  • Il-lajċi nsara jridu jkunu attenti li biex ikunu protagonisti ma jispiċċawx antagonisti, jaqdfu għal rashom.

 

Fil-parroċċa tagħna ma nistgħux inqisu lil-lajċi bħala ġgant, iżda żgur li mhumiex reqdin. Sew arċipriet, saċerdoti u reliġjużi rridu nitilqu minn idejna biex nagħmlu l-wisa’ lil-lajċi. L-istess lajċi jridu jagħmlu l-wisa’ u jwessgħu ċ-ċirku għal lajċi oħra. Saċerdoti u lajċi, u l-istess lajċi bejniethom irridu noħolqu u nkabbru l-fiduċja f’xulxin biex nistgħu naħdmu flimkien, fi spirtu ta’ kolleġġjalita` u kollaborazzjoni.

Biex dan iseħħ, il-lajċi nsara għandhom bżonn formazzjoni fuq livell ta’ ħajja spiritwali biex ikunu dixxipli ta’ Ġesu`. Ikunu lesti li jieħdu responsabbilta` li permezz tal-formazzjoni twassalhom għall-impenn fid-dinja biex ikunu appostli ta’ Ġesu`. Il-motivazzjoni magħquda mal-kariżmi twassalhom għall-bini tas-Saltna ta’ Alla li hi l-vera glorja lil Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin.

Nitolbu li aktar lajċi minn fostna, matul din is-sena, jqumu mit-telqa u l-indifferenza biex il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu tagħmilhom dixxipli u appostli fi ħdan il-Knisja u fid-dinja.


 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com