Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet





Kan. Joe Mifsud


 

Qed naħseb fikom ilkoll fil-ġranet li flimkien ma’ saċerdoti oħra qegħdin inwasslu l-Aħbar it-Tajba tal-Qawmien tal-Mulej.

Il-kuntatt tagħna magħkom hu okkażjoni tassew sabieħa u meħtieġa. Aktar ma’ l-qassis ikun qrib il-poplu, aktar ikun tassew qassis. Bħal Ġesu’ tal-Galileja : jgħaddi fit-toroq ”ifejjaq u jagħmel il-ġid”. Kull dar tiġbor fiha l-istorja tal-familja. L-istorja ta’ kull familja fiha minn kollox. Ferħ u niket.

Qtiegħ ta’ qalb u kuraġġ. U flimkien nagħżlu dak li hu l-aħjar u l-aktar ta’ ġid għal xulxin.

Ġesu’ kien igħallem li ”l-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix”. Għalih, l-aqwa ikel kien” li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri”. Għalhekk kien iħeġġeġ biex nitħabtu ”mhux għall-ikel li jgħaddi, imma għall-ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem”.

Ftit kienu dawk li fehmu d-diskors tiegħu. Tant li qalulu : ’iebes dan il-kliem”. U Ġesu’ weġibhom : ”Tridux titilqu intom ukoll?”

Quddiem il-qagħda tal-familji tagħna, jista’ jkun li t-taħbit tagħna qed jieqaf fil-ħobż materjali. Ma nindunawx li għandna bżonn ”ikel li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Il-fidi fil-persuna ta’ Ġesu’ Kristu hija dan l-ikel li lkoll neħtieġu għall-ħajja tagħna.  

Meta din il-fidi tkun qed toħrog fil-mod ta’ ħajja li ngħixu, fil-mod ta’ relazzjonijiet bejnietna, fil-mod ta’ kif nagħtu sehemna, fil-mod kif inġorru s-salib, fil-mod kif naħsbu fil-persuni tal-familja qabel naħsbu fina nfusna; allura anke jekk tkun ħajja iebsa u ta’ sagrifiċċju, imma twettaq il-ħajja tal-familja.

Tant hu hekk li din il-fidi f’Ġesu’ mibdula f’ikel ta’ kuljum issir mħabba u tjubija, sabar u ħniena, mogħdrija u tama. Dan hu li jfisser Ġesu’ bħala ikel ta’ ħajjitna.


Ma taħsbux li fil-ħajja tal-familji tagħna qegħdin nagħzlu li ngħixu bil-ħobż biss u ma nfittxux dak l-ikel li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem? Imħabbtin wisq. Imħabbtin fuq kollox. Imma kemm nitħabtu għal dak l-ikel li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem; jiġifieri, l-għarfien ta’ Alla bil-qawwa tal-fidi f’Ġesu’ Kristu ? Hekk nirrifletti quddiem il-qagħda li għaddejjin minnha l-familji.


F’dan ix-xahar ta’ Mejju, il-Knisja tistedinna permezz tal-festa tal-Pentecoste li nħaddnu b’kuraġġ u nistqarru b’konvinzjoni l-fidi tagħna. Bħalma Pietru stieden għall-konverżjoni, l-Knisja tistedinna nnizzlu l-egħruq tal-fidi tagħna f’Ġesu’.

Il-jiem tal-kwaranturi, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina u s-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej flimkien mal-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ huma kollha sejħat jew stedin biex il-fidi f’Ġesu’ tgħajjex il-ħajja tagħna u tal-familji tagħna.
Jekk irridu l-ġid lill-familji tagħna, ejjew immorru għand Ġesu’  bħala ”ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem”.

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com