Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


“NIĠBED IL-BNEDMIN KOLLHA LEJJA”


Kan. Joe Mifsud


 

Tistagħġeb meta tiltaqa` ma’ persuni li qatt ma tkun iltqajt magħhom avolja jgħixu fl-istess inħawi tiegħek. Xi drabi jiġrili l-istess ma’ persuni fil-parroċċa li, wara diversi snin ikun għadni ma nafhomx. Jgħixu fl-anonimat. Jgħixu mingħajr kuntatt, jew rabta mal- parroċċa.

Diversi, għall-grazzja t’Alla, għandhom kuntatt okkazjonali u hemm aktar li għandhom rabta kontinwa u regolari. Ta’l-okkażjoni meta jinqala’ l-bżonn li jiġu l-uffiċċju parrokkjali jew jitolbu ċelebrazzjoni tas-sagramenti. Regolari meta jiċċelebraw fil-komunita` il-jum tal-Ħadd.

Tapprezza l-fatt li l-parroċċa tagħna għandha numru ta’ lajci mpenjati. Dawn iħossu aktar mill-qrib ir-rabta tagħhom mal-parroċċa u bdew jagħrfu s-sens tal-komunita` nisranija. Fil-mod ta’ ħajja li qed ngħixu, jinħass aktar il-bżonn tas-sens ta’ familja fi ħdan il-parroċċa. Ifisser li r-relażżjonijiet ta’ bejnietna jibnuna bħala komunita` nisranija.

F’kull parroċċa f’Malta, fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru, ssir l-Assemblea Parrokkjali, wara li f’Settembru tkun saret l-Assemblea Djoċesana. Tingħata ħarsa lejn is-sena li tkun għaddiet. L-Assemblea ta’ din is-sena għandha mportanza partikulari: irid isir il-Pjan Pastorali għat-tlett snin li gejjin [2009-2011]. Irridu nħarsu ‘l quddiem u naraw kif se nwieġbu għall-bżonnijiet tan-nies membri tal-komunita` tagħna. Mhux biss, irridu wkoll naħsbu fuq il-progett prinċipali li hu l-Viżta Pastorali li l-Arċisqof se jkun qed jagħmel f’kull parroċċa matul dawn it-tlett snin.

F’kull Assemblea li saret f’Bormla f’dawn l-aħħar snin, l-attendenza kienet sodisfaċenti. Dejjem tixtieq aktar, dejjem tixtieq preżenza żagħżugħa u kontribut krejattiv. Hija esperjenza li tagħmillek kuraġġ, timliek bil-ħegga u tagħtik  sens ta’ direzzjoni. Min jaf kieku anke inti tattendi u toffri l-kontribut tiegħek? Se niltaqgħu t-Tnejn, 24 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru Sagra Familja. Nitolbok li tagħmel ħiltek kollha li tkun preżenti, ħalli flimkien inkomplu l–mixja bħala Knisja.

L-Arcisqof għazel bħala tema: “u meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, niġbed il-bnedmin kollha lejja.” [Ġw. 12, 32]. Irid ifisser il-bżonn li nkunu xhieda għall-ohrajn biex niġbduhom lejn Ġesu’. Irid ifisser  l-bżonn li l-Knisja “tgħammed” il-ħajja tal-persuni f’kuntatt magħha u f’kull attivita`li twettaq, bil-FIDI, biex kollox jiġbed lejn il-persuna ta’ Ġesu’ Kristu. Sfida kbira u sabieħa! Idħlilha. Ejja u nidħlulha flimkien.

 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com