Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Infittxu t-Tagħlim veru


Kan. Joe Mifsud


 

Daqskemm hu sabieħ it-tagħlim, daqshekk ieħor kerha l-injoranza. Persuna edukata fil-manjieri tagħha tiġbdek lejha; jekk le, timbottak minnha. Mill-manjieri biss tista’ tiġġudika xi kwalita’ ta’ persuna hi. Sew fid-diskors u wkoll fil-mod kif iġġib ruħha. L-injoranza tkun kbira meta persuna b'manjieri ħżiena ma tindunax bl-iżball jew lanqas ma taċċetta korrezzjoni. Jekk ma taħsibx ukoll li għandha raġun. Din tkun tassew injoranza kbira. 

Kemm għandna bżonn inkunu konvinti mill-importanza tat-tagħlim f'ħajjitna. Min jaf xi ħaga jħoss li jitgħallem aktar. Min ma jaf xejn jew ftit, jaħseb li jaf kollox u tikbirlu rasu. Qatt ma taf biżżejjed. Qatt ma taf kollox. It-tagħlim  jagħmlek nies. Ikabbrek f’kull aspett tal-personalita’ tiegħek. 

Il-ħtiega tat-tagħlim tinħass ukoll fejn tidħol il-fidi nisranija. Il-ħafna fehmiet li jżarżru joħorgu fil-beraħ l-injoranza/ Il-fehma personali jew tal-maġġoranza saret meqjusa bħala l-verita’. Għandna organizazzjonijiet fostna li taħt il-kappa tal-”ħniena” jħawdu l-imħuh tal-kbar u xejn anqas taż-żgħar. U tistagħaġeb kif jidhol l-ingann. Inwarrbu l-għajn ta’ l-ilma ġieri biex immorru nixorbu ilma mdardar. Inwarrbu t-tagħlim sod u ta’ dejjem biex induqu l-ġdid. 

Suppost li issa, wara s-sajf, tinħass aktar il-ġabra fil-familja u l-ġurnata għandha struttura u rutina. Uliedna daħlu lura fl-orarju ta’ l-iskola. Għall-erwieħ! Mhux għax ħlisna minnhom, daqskemm għax qed jixorbu mill-għajn ta’ ilma ġieri. Għall-erwieħ! Għax jerġgħu jibdew jattendi ċ-ċentri tat-tagħlim nisrani biex isegwu l-programm tal-katekiżmu. Tagħlim veru u sod. Tagħlim mibni fuq valuri umani u nsara. Tagħlim li jippreparahom għall-ħajja u għall-futur. Tagħlim li jagħmilhom nies u jżommhom ”l bogħod mill-vizzju u mid-dnub. 

Kellu bżonn li l-ġenituri jkunu konvinti mill-bżonn tal-katekiżmu fil-ħajja ta’ wliedhom. Ma jarawx xi ħaga żejda u ta’ bilfors. Ma jpoġġuhx fuq l-istess livell ta’ l-isports u taż-żfin. Fih valur aktar mill-lezzjonijiet tal-privat. Fl-isforz li qed isir biex nagħtu l-aħjar lil uliedna, l-ġenituri għandhom jifhmu l-bżonn li jagħtu sehemhom u jikkoperaw, jagħtu kuraġġ u ħeġġa lil uliedhom u jagħmlu kull sagrifiċċju għall-veru ġid ta’ wliedhom. Ma ninsewx dak li qal San Ġorġ Preca : ”It-taghlim veru hu l-ghajn ta’ kull gid”. 


L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com