Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


150 Sena


Kan. Joe Mifsud


 

 

Bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru, il-Papa Benedittu XVI se jkun fuq żjara pastorali ġewwa Lourdes fl-okkażjoni tal-150 sena mid-dehriet tal-Vergni Marija fil-grotta ta’ Massabielle. Żgur li se jkun avveniment li jiġbor ħafna nies, kif fil-fatt jigri kuljum matul is-sena kollha.

Ir-rabta bejn Il-Vergni Marija ta’ Lourdes u l-parroċċa tagħna jaf biha kulhadd. L-aktar għall-fatt li kien fil-25 ta’ Marzu 1858 li Bernardette semgħat lil Marija tgħid li ‘JIEN L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI’. Kulħadd jistqarr li l-mod kif il-Madonna hija liebsa fil-kwadru titulari tal-kor u kif dehret fil-fatt ġewwa l-grotta huwa messaġġ qawwi ghalina.

Għalfejn in-nies tmur Lourdes?

Jiżbalja min jaħseb li għall-kurzita’. Tistagħgeb kemm nies imorru. Tistagħġeb aktar meta tara kwantita’ kbira ta’ żgħażagħ li jmorru bħala voluntiera mal-morda u mal-organiżazzjoni tal-ħajja ta’ Lourdes. Tistagħgeb tara nies jitolbu fi gruppi b’tant devozzjoni u ħegga.  In-nies tmur imqanqla bil-fidi. Fidi li taraha u tħossha fit-talb u fl-uċuh tan-nies.

Quddiem il-grotta, fil-preżenza ta’ Marija, tinħass ħafna paci. Ma jistax ikun li ma hemmx l-intervent ta’ Alla f’din il-ġrajja. Żgur li permezz ta’ Marija, Alla jrid jiġbed lejh lill-bnedmin li jersqu lejha. Dan hu l-iskop veru ta’ Lourdes. Dan hu l-aqwa miraklu li jseħħ.

Min jaf kieku din is-sena, fil-parroċċa tagħna, nieħdu s-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni bħala mezz permezz ta’ Marija biex nersqu lejn il-persuna ta’ Ġesu’ aktar?

Biex nistgħu niġġeddu u nikkonvertu għall-fidi awtentika? Biex indaħħlu lil Ġesu’ f’ħajjitna. Għalhekk li din is-sena qed nagħżlu bħala motto MARIJA, MUDELL TA’ FIDI GĦALL-FAMILJA.

Forsi mhux fuq il-fidi li rridu nibnu ħajjitna? Forsi mhux in-nuqqas ta’ fidi li qed iżżommna ’l bogħod mil-Ligi ta’ Alla? Forsi mhux in-nuqqas ta’ fidi li qed toħloq vojt u mard spiritwali fil-ħajja ta’ uħud? Forsi mhux fil-fidi li l-aktar li d-dinja qed tilagħbilna ma’ moħħna?

Permezz tas-Sibtijiet nistghu nirċievu tagħlim fuq il-fidi waqt il-quddiesa tas-Sibt fil-ghaxija. Nixtiequ li l-kuntatti li se jsiru permezz taz-żjajjar fil-familji jwasslu biex aktar familji mill-parroċċa, permezz ta’ Marija, jiskopru l-qawwa tal-fidi li taħdem fil-ħajja tal-familja tagħhom. Żġur li taghmel differenza kbira u jkollha effett pozittiv. Staqsu lil min permezz ta’ Marija skopra lil Ġesu’ fil-ħajja tiegħu.

Għad hawn min ma wasalx għall-verita’ sħiħa. Uħud jieqfu biss fil-jiem tal-festa. Devozzjoni li mhix marbuta mal-mod ta’ ħajja li tgħix hija fiergħa u ma twassal imkien. Dan l-element jinħass fil-festi Maltin, anke fost dawk li suppost jafu ahjar. Hu mehtieg li ndaħħlu dan il- messaġġ nisrani biex il-fidi tidħol f’ħajjitna. Din mhix bicca xogħol ta’ l-arċipriet, jew xi wħud ta’ l-għaqdiet. Din hi bicca xogħol tieghek. Agħti sehmek biex twassal il-messagg ta’ Marija lill-oħrajn. Il-messaġġ li Marija hija l-mudell tal-fidi fil-ħajja tagħna.

Dan hu l-bżonn attwali għall-komunita’ u l-familji li jgħixu f’Bormla. Dan hu żgur dak li trid Marija minna. Dan hu l-mod xieraq kif nuruha qima u devozzjoni.

Nitolbu li s-Sibtijiet, f’din is-sena tal-150 mid-dehriet ta’ Lourdes, inisslu spirtu aktar ta’ nteress u ta’ mpenn għal fidi f’Ġesu’.


L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com