Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Posittiv fuq in-Negativ

Kan. Joe Mifsud


 

 
 
Kultant jiġi żmien meta ma jkunx faċli tkun ottimist u pożittiv fil-ħajja. Ngħid għalija ninħasad nisma’ lil xi wħud li qegħdin f’pożizzjoni ta’ awtorita’ fil-knisja u fis-soċjeta’ jitkellmu b’mod li jkun għal kollox differenti minn kif tidher ir-rejalta’ ta’ madwarna. Mhux qed nifhem li żbaljati. Imma lanqas ma naħseb li nkun żbaljat għal kollox. Nifhem li diffiċli toħrog stampa tar-rejalta’. U jekk hu tajjeb li tieħu attitudni pożittiva fil-ħajja, imma min-naħa l-oħra irridu nkunu onesti u rejalistiċi. 


Ir-rejalta tal-familja, l-istorja tad-dinja, il-qagħda tas-soċjeta’ u l-istess komunita’ tal-Knisja jpoġġu quddiemna ħafna ħsibijiet. Joħolqu sens ta’ biza’ u nċertezza.

Il-kredibilita’ dejjem tonqos minħabba xi aħbar ġdida li toħrog. Faċli li tibda tiddubita kollox u tonqoslok il-fiduċja fl-oħrajn. X’ħin tinduna kif il-valuri ġew mibdula, mħawda u maqluba ta’ taħt fuq ma jibqagħlekx aktar nifs. Il-ħafna priedka u diskorsi li jsiru ma jibqgħux jimpressjonawk, biex ma ngħidx li aktar jibdew jaħsduk. 


Jekk din hija stampa qawwija ta’ negattivita, allura joħrog b’qawwa akbar il-messaġġ ta’ tama u kuraġġ ta’ KRISTU RXOXT. Illum huma biss il-persuni li laqgħu f’ħajjithom lil Ġesu’ ta’ Nażaret li għandhom xi kelma bis-sens xi jgħidulna. Illum huma nsara ta’ veru li bix-xhieda konkreta ta’ egħmilhom, għandhom effett fuq ħajjitna. Illum huma l-persuni li qegħdin ibatu għax konvinti mit-twemmin u l-prinċipji tagħhom li jistgħu jħallu effett fuq ħajjitna. Illum iwasslilna l-verita’ min kapaċi jmur kontra kull kurrent u ma jinġarrx mal-massa. Illum min jidher u jinħass dgħajjef li jħalli togħma tajba u mhux min jidher qawwi għax jaf ilablab u jgħid diskors bla sugu. Illum l-effett tal-qawmien ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret għadu jidher u ħaj fostna anke jekk mhux fil-modi li jidhrilna aħna. 


Żgur li kull min minna ltaqa’ ma’ persuna ta’ fidi awtentika li għaliha Kristu għamel differenza u bidla f’ħajjitha, baqa’ milqut mill-qawwa tal-fidi tagħha. Hija din il-fidi li llum għandu bżonn jagħzel kull mgħammed li f’dan iż-żmien suppost li jġedded l-għazla ta’ Alla f’ħajtu li għamel meta rċieva s-sagrament tal-Magħmudija. Din l-għazla tfisser żewg affarijiet :


   “Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Gesu’ ”.


“Jekk xi ħadd ma għandux fih l-ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu”.


Dawn iż-żewġ riferenzi mill-ittra lir-Rumani (6,11 u 8,9) iridu jfissrulna l-fidi fi Kristu Rxoxt. Irridu nġarrbu ma’ Kristu l-mewt tal-ġibdiet u l-passjonjiet tagħna biex imut id-dnub ta’ ġo fina. Irridu ngħixu ħajja ġdida li fiha jidher li aħna miexja fuq it-tagħlim ta’ Ġesu’ u qed infittxu li nkunu nixbħuh fil-egħmil tal-ħajja tagħna. 


Din il-kwalita’ ta’ fidi fi Kristu Rxoxt tista’ tagħtina mod ta’ ħajja ottimista u pożittiva. Ejjew niskopru mill-ġdid il-fidi vera fi Kristu Rxoxt u noħolqu ħajja ġdida u qawmien ġdid f’ħajjitna u madwarna. 



L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com