Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


NAWFRAĠJU

Kan. Joe Mifsud


 

Tgħid hija esaġerazzjoni li uħud minna jsibu ruħhom f’esperjenzi daqshekk iebsa fil-ħajja? Tbatija u Wġiegħ. Inganni u Diżappunti. Mhux il-każ li nagħtu ħafna eżempji. Biżżejjed niftakru f’ġenituri li wliedhom jgħaddu minn nawfraġju. Imma żgur nafu b’persuni fit-toroq tagħna u fuq il-postjiet tax-xogħol li għaddew jew jinsabu għaddejjin minn nawfraġju. U meta donnu jidher li għadda kollox u se jibnazza, iqum nawfraġju iehor. 

L-istorja tan-nawfragju ta’ Pawlu ta’ Tarsu nafuha lkoll għax hija marbuta ma’ l-istorja ta’ pajjizna u ma’ l-identita’ reliġjuza tagħna. Importanti nifhmu li din mhix storja jew tifkira tal-passat. Hija ġrajja ta’ llum marbuta mal-qagħda u l-preżent ta’ l-istorja tal-ħajja personali, familjari u soċjali tagħna. Kien għalhekk li fl-ittra pastorali ta’ l-isqfijiet marbuta mas-Sena Pawlina li bagħtu f’Ġunju li għadda għamlulna sejħa biex  “ikollna ċans niskopru l-qawwa li tiġi mill-fidi li dejjem ħaddanna......niskopru mill-ġdid x’tista’ tagħmel fina u f’ħajjitna l-grazzja ta’ Alla, dik il-qawwa moħbija li tant neħtieġu u li llum aħna sikwit ittentati biex ngħixu daqs li kieku m’għandhiex bżonnha”. 

Ngħiduha kif inhi, nawfraġju hu esperjenza tal-biża’. U anke jekk ikollok il-fidi jibqa’ esperjenza tal-biza’. Altru li għandek bżonn il-fidi; imma trid tkun fidi mibnija fuq “edukazzjoni soda.... li tagħmilna tassew insara adulti”. Din hi kelma  ta’ Alla li tagħtina tassew kuraġġ f’ħajjitna. Ħasra kbira li llum il-fidi qed titlef it-tifsira tagħha; qed tiġi mniżżla  għal sentiment jew kultura reliġjuza; u agħar meta tkun mifruda mill-għażliet, d-deċiżjonijiet u l-istil tal-ħajja li wieħed igħix. 

Minn hawn joħrog il-bżonn li ”naħdmu b’impenn serju ghal katekeżi soda f’kull livell”. Kien fatt pozittiv li fil-konsultazzjoni qabel is-Sinodu djoċesan, maġġoranza urew il-fehma dwar l-urġenza ta’ aktar tagħlim u formazzjoni speċjalment bl-uzu tal-meżżi ta’ komunikazzjoni. Huwa wkoll fatt pozittiv li fil-parroċċa tagħna għandna tlett gruppi ta’ katekezi għall-adulti li jiltaqgħu kull ġimgha fi tlett inħawi differenti b’katekeżi mibnija fuq il-Liturġija tal-Kelma ta’ Alla ta’ nhar ta’ Ħadd. Barra diversi laqgħat oħra li jsiru. 

Quddiem it-tbatija tal-ħajja mxebbħa ma’ nawfraġju hu meħtieg li niggranfaw u nankraw il-fidi tagħna mal-persuna ta’ Ġesu’ Kristu. Il-fidi trid twassalna biex nagħrfu lil Ġesu’ b’mod personali f’ħajjitna qisu ġejna mlaqqmin fl-ispirtu tiegħu. Hu biss b’dan il-mod li l-fidi tista’ tgħinna negħlbu kull nawfraġju f’ħajjitna. 

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com