Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Sens ta' Gratitudni

Kan. Joe Mifsud


 

Nistqarr li qatt ma kont naf xi tfisser li tkun saċerdot u x’jitlob minnek fil-ħajja ta’ kuljum. Altru tkun fi żmien ta’ formazzjoni biex tqiegħed il-pedamenti fis-sod, u altru tiġi għar-rejalta. Illum inħares lura u nara l-bidla li għaddejt minnha bħala persuna, bħala nisrani li nemmen u bħala presbiteru. Quddiem il-mixja li kienet imżewqa minn kollox, ma nistax ma nħossx sens ta’ gratitudni għad-don tal-perseveranza u tal-maturazzjoni umana u fil-fidi li seħħet fija bil-grazzja ta’ Alla.


L-iktar ħaga li tgħallimt hi li s-saċerdot ma jistax ikun il-bniedem ta’ l-oħrajn jekk ma jkunx il-bniedem ta’ Ġesu’ Kristu. Ir-relazzjoni personali fit-talb ma’ Ġesu’ għamlet minn ħajti vokazzjoni li tagħti l-frott, żammet fija l-ħeġġa u urietni kif insib is-sabieħ fil-ħajja anke meta nkun għaddej mill-iebes. Il-proċess li nikber f’relazzjoni ma’ Ġesu’ għadu l-akbar bżonn li għandi.

 

Konvint li l-kuntatti man-nies, speċjalment dawk li jgħaddu mit-tbatija, kienu ta’ għajnuna biex nitgħallem xi jfisser tkun saċerdot. In-nies, għallmuni nifhem aktar il-persuna umana fid-dgħufija tagħha, għallmuni l-mod ta’ kif Alla jħobb bis-sabar u l-ħniena, għallmuni l-qawwa tas-sagrifiċċju bejn il-koppji, fuq ix-xogħol, fit-trobbija ta’ l-ulied u fil-mard. Din kienet esperjenza li għenitni nifhem il-ħtiega li nitgħallem nkun aktar umli fil-ħajja tiegħi. Anke din hija bżonn ieħor li għandi f’ħajti.


Qed naqsam dan magħkom għax dan ix-xahar infakkar il-25 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi. Fid-dmir u obbligat nirringrazzja lil Alla. Veru nistagħgeb inħares lura. Imma lili wkoll igħidli : “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi”. Fid-dmir u obbligat nirrinġrazzja u nifraħ mal-komunitajiet li għext u ħdimt fosthom. Nistieden lil kulħadd għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr li se nagħmel fil-parroċċa tagħna nhar il-25 ta’ Ġunju fis-6.30p.m. fit-tifkira ta’ l-inkurunazzjoni tax-xbieha ta’ Marija Immakulata. Itolbu għalija biex permezz tagħha nasal inkun kollni kemm jien u biss ta’ Ġesu’.

 

L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com