Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Awguri ta' Ħeġġa u Tama

Kan. Joe Mifsud


 

Darba, sindku ta’ raħal ċkejken fi Spanja, talab lil kull familja tagħti flixkun inbid għall-festa li kien ser jagħmel fil-pjazza tar-raħal. Għal dan il-għan, huwa poġġa bettiegħa fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali fejn kull wieħed kien mistieden iferra’ l-flixkun ta’ l-inbid tiegħu. Iżda ġara li kull wieħed, flok inbid, ferra’ flixkun ilma, bit-tama li l-oħrajn kienu jitfgħu l-inbid u hu ma jinqabadx li jkun tefa’ l-ilma. L-imsejken sindku spiċċa bil-bettiegħa mimlija bl-ilma. 

Qegħdin fil-bidu ta’ sena ġdida. Il-komunita’ parrokkjali fasslet pjan pastorali krejattiv għat-tlett snin li ġejjin. Il-komunita’ ċivili għandha quddiemha l-elezzjonijiet għall-kunsill lokali. Spiċċajna s-sena b’argumenti sħan fuq il-qagħda ta’ l-edukazzjoni fostna. Nisimgħu kummenti dwar nuqqas ta’ volontarjat u nteress fl-għaqdiet li għandna. Qed nibżgħu li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qed titlaqna sa minn żmien l-adolexxenza. Bqajna ngergru dwar inizjattivi fostna li ma ttieħdu qatt. 

Il-parabbola tal-bidu trid tgħallimna u tfakkarna li lkoll inġorru responsabilta’ għall-qagħda ta’ madwarna. L-eħfef hu li tfarfar ir-responsabilta’ u titfagħha fuq ħaddiehor. Jew inkella tingħaqad ma’ orkestra ta’ tgergir u pessimizmu, kif qed jiġri. Ir-reazzjoni tagħna lkoll għandha tkun li nagħrfu x’inhu dmirna u nwettquh. Ma għandniex nibqgħu nistennew lil ħaddiehor jagħmel dak li suppost nagħmlu aħna. Responsabilta’ murija f’għaqda ta’ mpenn ħiereġ minn sens ta’ viżjoni ċara u ta’ azzjoni tista’ fuq tul ta’ żmien twarrad fostna u ssebbaħ aktar l-isem tal-komunita’ nisranija u ċivili tagħna. 

Nixtieq infisser l-awguri lilkom għal din is-sena b’dan il-mod. Nixtieq għalhekk li l-pjan pastorali li qed tirċievi ma’ dan il-fuljett parrokkjali jagħtik sens ta’ tama u ħeġġa għal din is-sena ġdida, b’mod li tara wkoll x’inhu u fejn se jkun il-kontribut tiegħek biex sew il-parroċċa u kemm is-socjeta’ tagħna jgħixu sena ġdida mimlija risq u barka. 

 

 


L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com