Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


GĦALFEJN ĊENSIMENT?

Kan. Joe Mifsud


 

Meta s-sultan David għamel ċensiment ta’ Iżrael, Alla tgħidx kemm iddispjaċih u ħadha bi kbira. David kien qed iserraħ fuq il-forżi umani u mhux aktar fuq Alla. Fil-fatt Alla għaddieh minn esperjenza ta’ tbatija b’konsegwenza ta’ l-izball li għamel.

Wara bosta snin, il-parroċċa se terga’ tagħmel ċensiment. Fih tinġabar l-informazzjoni dwar kull familja li hawn toqgħod fil-parroċċa. Qed jerġa’ jsir minħabba li f’dawn is-snin sar ħafna ċaqliq, ġew diversi familji ġodda u  billi kien hemm nuqqas ta’ aġġornament l-informazzjoni mhix eżatta u lanqas kompluta. Barra minn hekk, quddiem żviluppi ġodda teknoloġiċi, meħtieġ ukoll niġbru numri tal-mobaljs u l-indirizzi ta’ kull min għandu e-mail. Id-djoċesi f”Malta se tagħmel uzu minn programm ġdid għall-kompjuter biex iħaffef ix-xogħol u jkun aktar effiċjenti biex tinkiseb statistika regolari. Quddiem dan kollu, ħsibna li jkun aħjar jekk isir ċensiment mill-ġdid. Grazzi għal persuna li offriet is-servizz biex iddaħħal l-informazzjoni fil-kompjuter.

Iċ-ċensiment mhux qed isir biex naraw min hu magħna u min mhux. Lanqas biex inkunu nafu l-affarijiet kunfidenzjali. Tajjeb ikun magħruf b’mod ċar li kull informazzjoni hija kunfidenzjali u qatt ma tgħaddi lill-ebda organizazzjoni jew persuna ohra.

L-iskop taċ-ċensiment hu li nkunu nistgħu nagħtu servizz aġġornat lin-nies tal-parroċċa. Permezz ta’ l-informazzjoni li tinġabar, tinħareg statistika  li tgħinna nsiru nafu minn min hi magħmula s-soċjeta tagħna. L-aktar importanti hu biex inkunu nistgħu nagħmlu kuntatti u nwasslu stedin meta jkollna inizjattivi ġodda. Hekk per eżempju għall-adolexxenti/żgħażagħ, anniversarji jew laqgħat ta’ formazzjoni għal diversi kategoriji. Barra minn hekk din l-informazzjoni tgħin meta  xi persuni jitolbu għajnuna fil-mili ta’ passaporti, formoli ta’ assistenza jew benefiċċju. Jekk ma jkunx hemm għarfien u konfermi tal- persuna/i, dan is-servizz ma jkunx jista’ jingħata.

Għal dan il-għan, lejn tmiem ix-xahar ta’ Marzu u matul April, diversi lajċi mill-parroċċa se jwasslu l-formoli biex tinġabar din l-informazzjoni. Dawn il-persuni lesti joffru kull għajnuna fil-mili tal-formoli lil min isibha diffiċli jew ma jafx jikteb. Imbagħad, waqt it-tberik tal-familji fil-ġimgħat ta’ wara l-Għid, dawn il-formoli jinġabru mis-saċerdoti.

Nittama li kulħhadd jikkopera ma’ din l-inizjattiva maħsuba fil-pjan pastorali u approvata waqt l-assembleja parrokkjali li saret f’Novembru li għadda. Il-koperazzjoni ta’ kulħadd żgur li sservi ta’ ġid għal kulħadd.



L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com