Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Il-Kelma ta' l-Arċipriet


Il-Messaġġ
ta' l-Irxoxt

Kan. Joe Mifsud


 

 

F’Kull persuna hemm ix-xewqa li ttejjeb il-ħajja tagħha. Mhux qed nifhmu biss s-sens materjali tal-ħajja. Għalkemm dan hu meħtieg u bżonnjuż. Imma qed nifhmu aktar li persuna tkun fil-paċi, moħħha mistrieħ u kuntenta fil-ħajja. Xejn daqs relazzjonijiet tajba ma’ l-oħrajn ma jistgħu jagħtuk ħajja aħjar milli għandek.

Mhux kull persuna tkun lesta għas-sagrifiċċju li hemm bżonn biex isseħħ ix-xewqa tagħha. Trid tagħmel inti l-ewwel pass miegħek innifsek u ma’ l-oħrajn. Xi tip ta’ bidla fik u fl-attitudni tiegħek trid isseħħ bilfors. Nippretendu li nżommu l-istil ta’ ħajja li nkunu għaddejjin bih mingħajr ma nibdlu jew intejbu dak li mhux aċċettabbli. Xi drabi nistennew l-oħrajn jagħmlu l-pass huma. Forsi biex ma naqgħux għalihom. Xi drabi nippretendu l-oħrajn li għandhom jinbidlu. Fir-rejalta’ inti trid tieħu d-deċizjoni u tagħmel l-ewwel pass; sew miegħek innifsek u wkoll ma’ l-oħrajn. U ghalhekk hu iebes meta n-naħa l-oħra tibqa’ ddawwar wiċċha.

Quddiem rejaltajiet fil-ħajja tagħna u tal-familji, quddiem il-futur ta’ wliedna u s-soċjeta’ tagħna, il-messaġġ li Ġesu’ hu l-Iben ta’ Alla li hu ħaj fostna għandu relevanża qawwija għall-ħajja tagħna lkoll. Qed nagħzlu li npogguh fil-ġenb. Qed nagħżlu li noqtlu l-qawwa tal-messaġġ tiegħu. Qed nagħżlu saħansitra li nikkontestaw il-verita’ tiegħu jekk ma nwaqqgħuhiex għar-redikolita’. Imma kif nibqgħu ma nirriflettux fuq l-esperjenza u nitghallmu?

L-Irxoxt igħallimna nfittxu u nibnu ħajjitna fuq il-verita’. Kull tbatija u sagrifiċċju għandhom valur aktar milli tillaxka u titkaxkar, aktar milli tibla’ xi gidba jew taqa’ f’xi ngann. Aħjar tbati biex tagħmel it-tajjeb milli tbati minħabba li tagħmel il-ħażin. Aħjar tbati biex tħobb u tagħmel il-ġid milli tbati minħabba l-vizzju, nuqqas ta’ għaqal u responsabilta’, mibegħda u għira. Wara kollox kienet l-imħabba ta’ l-Irxoxt li rebħet fuq id-dnub. Dan hu kif għandna ngħixu fil-ħajja biex intejbu lilna nfusna u lil xulxin.


 



L-Arċipriet

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com