Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


Min huma s-sorijiet
franġiskani tal-Qalb ta'Ġesù

Sr. Claudia Zammit sfjc


 

Il-bidu tal-Kongregazzjoni fl-1880 tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu' twieled f' Għawdex, fil-moħħ u l-qalb ta' tnejn min-nies ġenerużi u qaddisin: Dun Ġuzepp Diacono u Virġinia DeBrincat, dik ix-xebba li aktar tard ġiet mogħtija l-isem li bih kienet u għadha magħrufa, Madre Margeritra tal-Qalb ta' Ġesu'.

Fundatriċi

Madre Margerita de BrincatMadre Margerita il-ħames fost disa' aħwa, twieldet Kerċem fit 28 ta' Novembru 1862. Irċeviet mill-familja edukazzjoni tajba kemm nisranija kif ukoll kulturali. Fl-1877 issieħbet mas-Soċjeta' tat-Tnax il-Kewkba tal-Qalb ta' Ġesu', li minnha, ftit snin wara nibtet il-Kongregazzjoni reliġjuża tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu'.

Minħabba l-intelliġenza tagħha, u billi wkoll kienet imkissra fl-iskola, f'Awwissu ta' 1884, Swor Margerita ġiet magħżula minn Dun Ġużepp Diacono bħala segretarja ġenerali tal-Kongregazzjoni reliġjuża . B'hekk sa mill-bidu, setgħet taħdem u ssegwi mill-qrib dak kollu li kien qed isir u d-diffikultajiet kollha tal-Kongregazzjoni.

Fil-fatt meta fl-1887 il-fundatur nduna li ma setax ikompli u kien se jxolji l-Kongregazzjoni, Madre Margerita b'fiduċja bla qies fl-għajnuna divina ta' Alla, ħadet fuq spallejha r-responsabbilta' u t-tmexxija tal-Kongregazzjoni.

Spiritwalita'

Madre Margerita għarfet tibni ħajjitha u dik tal-Kongregazzjoni fuq il-Vanġelu. L-elementi l-iktar qawwija ta' l-ispiritwalita' tagħha kienu: ix-xewqa kbira li kellha għal-għaqda sħiħa m'Alla, fuq kollox fit-talb u fiċ-ċaħda tagħha nfisha bħala vittma tmexxija tagħha għal aktar minn 24 sena ta' riparazzjoni; kellha mpenn kbir li tgħix id-don tal-vokazzjoni reliġjuża f'umilta' sinċiera, f'sempliċita' ferrieħa, fil-faqar evanġeliku, ħeġġa kbira għall-Alla mibnija fuq l-għajta ta' INĦOBBU L-IMĦABBA u li din l-Imħabba tkun magħrufa u maħbuba minn kulħadd, waqt li ngħatat għall-appostolat u għas-servizz lejn l-aħwa l-iktar fil-bżonn.

Dan kollu kien imdawwal u mgħejjun minn ispirazzjoni speċjali: li tpoġġi fuq kollox imħabba tixgħel lejn il-Qalb ta' Ġesu' fl-Ewkaristija, f'atteġġjament ta' adorazzjoni, tifħir, ringrazzjament, sagrifiċċju u riparazjoni.

 

Il-Kariżma tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu'

Matul ħajjitha Madre Margerita kellha x-xorti li tara l-Kongregazzjoni tixtered ukoll mal-kontinenti u li tieħu dejjem iktar forma internazzjonali u xejra missjunarja. Fil-fatt illum minbarra fil-gżira tagħna ninsabu fl-Italja, Ingilterra, Etijopja, Brazil, Afrika, l-Awstralja, l-Pakistan u l-Filippini. L-appostolat li nwettqu f'dawn il-pajjizi huma diversi: kura lill-pazjenti fid-'dispensaries' u l-'maternity homes' fiċ-ċentri missjunarji tal-Kongregazzjoni tagħna; ħidma edukattiva fl-iskejjel primarji u sekondarji mat-tfal u ż-żagħżagħ; tagħlim tal-Katekiżmu fil-Parroċċi; u fl-animazzjoni liturġika, żjajjar u kura lill-anzjani u lill-morda; ħidma fid-djar tat-tfal u s-sehem tagħna fis-seminarju. Fil-parroċċa ta' Bormla, li l-preżenza tagħna tmur lura mis-sena 1889, l-appostolat tagħna hu dak ta' l-edukazzjoni lit-tfal bejn il-ħames u l-ħdax il-sena, flinkien mat-tagħlim tal-Katekizmu u t-tisjir ta' l-ikel lis-saċredoti.

F'dawn il-ħidmiet appostoliċi l-membri kollha jistinkaw biex 'l-imħabba ssir magħrufa u maħbuba minn kulħadd u kullimkien'. Għalhekk aħna s-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu', li dis-sena qed infakkru l-131 Sena mit-Twaqqif tagħna nroddu ħajr lil Alla għall-ħidma bla waqfien li matul is-snin il-Kongregazzjoni żviluppat, kibret u xterdet f'diversi pajjiżi tad-dinja, b'ħidmiet fejjieda diversi b'riżq is-soċjeta' u fi ħdan il-Knisja ta' żminijietna. Nkomplu nitolbu lil Alla biex jibgħat vokazzjonijiet ġodda sabiex din l-istess ħidma titkompla fil-Knsja tiegħu u biex, dejjem jekk inhi r-Rieda t'Alla, naraw lil Fundatriċi tagħna mtella' għall-ġieħ ta' l-artali.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com