Il-Kelma tal-Arċipriet - Mejju 2012

L-Għajn ta' Kull Ġid

Kan. Joe Mifsud

Kelli laqgħa sabieha l-MUSEUM tas-Subien ma’ grupp adolexxenti li allura diġa għamlu l-Griżma tal-Isqof u għazlu li jibqgħhu jattendu l-MUSEUM. Naħseb li wara din l-għażla hemm ġenituri li fehmu r-rwol tagħhom u bla ma ġegħluhom, imma żgur li bil-kliem u bl-eżempju ħeġġewhom jagħmlu din l-għażla.

Kien grupp mimli ħajja; imma fl-istess ħin urew ċerta maturita’. Xtaqt għalhekk nislet riflessjonijiet minn din l-esperjenza li naħseb m’aħniex nagħrfu biżżejjed l-importanza li naħsbu bil-għaqal u għall-ġid tal-futur ta’ wliedna.

Niżbaljaw ħafna meta qed inkabbru lil uliedna b’għaġġla żejda. M’aħniex nirrispettaw il-passi wara xulxin tal-mixja tal-hajja. Qisu minn pre-adolexxenti rridu nagħmluhom adulti u bħalxejn ma nkunux kuntenti li jaqbdu jinnamraw.

Ma fhimniex il-ħtieġa tal-esperjenza ta’ grupp fl-izvilupp tal-persuna. Mhux sew li tifel/tifla jingħalqu d-dar bla ħbieb, jikkomunikaw mal-kompjuter jew xi logħba.

Nizbaljaw ħafna meta qed inkabbru lil uliedna b’għaġġla zejda.

Fr. Joe mifsud

Mhux sew tirraġuna li għandek tfal bil-għaqal għax mhux joħorgu mid-dar u ma jagħmluha ma’ ħadd.Li jiltaqgħu flimkien fi grupp għat-tagħlim, sports, passiġġati, baħar, attivitajiet reliġjużi se jkunu ta’ għajnuna ghall-iżvilupp tagħhom. Xi drabi ninsew l-influwenza tal-ambjent. U wkoll tal-ħbieb. Ma nistax nifhem lil dawk il-ġenituri li tara lil uliedhom fil-ħwienet u f’ambjenti anke rikrejattivi fejn mhemmx kontroll la fil-kliem u lanqas fl-imġieba. Tkun issagrifikajt ħajtek fit-trobbija biex imbagħad tħalli l-hekk imsejħa ”ħbieb” jeqirdulek lil ibnek jew lil bintek għax tkun fdajthom fejn mhux suppost. Kultant naħsbu li sirna bravi żżejjed. Min hu għaref u għaqli jaf li t-tagħlim ma għandux eta’ jew żmien.

Importanti li f’ħajtek tibqa’ miftuħ għat-tagħlim. Mhux kulħadd konvint minnha din. U speċjalment fejn jidħol it-taghlim u l-għixien tal-ħajja nisranija. Tal-aħħar imma l-aktar importanti. Nistaqsi ”Il-ġenituri jafu li t-tagħlim nisrani jibni ċittadini u nsara ta’ veru?” Il-MUSEUM ma tibgħatx lil uliedek biss biex jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof u tieqaf hemm. Meta trawwem lil uliedek fit-tagħlim u fl-għixien tal-fidi qed turihom triq biex jimxu fiha.

Nitlob lil Marija Omm Gesu’, tnissel fil-ġenituri ta’ wliedna speċjalment l-ommijiet il-valur tat-tagħlim nisrani. J’Alla dak li l-ulied jirċievu fil-familja jkompli fl-oqsma tal-katekiżmu li għandna fil-parroċċa.

B’hekk inkunu qed insaħħu lil uliedna fi prinċipji. Il-katekisti għandhom vokazzjoni Mhumiex voluntiera. Imma jgħixu sejħa mingħand Alla li jwasslu tagħlim tal-Kelma ta’ Alla lil kulħadd.

 

L-Arċipriet