Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2012

Paġna Ġdida f'Ħajti

Kien propju nhar il-Erbgħa, 29 ta’ Awwissu 2012 meta l-Arċisqof bgħatt għalija sabiex nibda l-ħidma tiegħi bħala Arċipriet fil-Parroċċa ta’ Bormla.  Ngħidilkom il-verita’ kollha ma stennejtx li se seħħ bidla f’ ħajti daqshekk malajr, iżda dan hu s-saċerdozju, li bħalma jiddiskrivieh b’mod tant sabiħ il-mibki Papa Ġwanni Pawlu II is-saċerdozju huwa Don u Misteru.  Mid-29 ta’ Awwissu ħajti bdiet paġna ġdida.  Ftit għaddew ġranet meta din l-aħbar tħabbret u f’ temp ta’ ftit ħin diversi kienu dawk li ferħuli u li wiegħduni t-talb tagħhom għal din il-missjoni li Alla għoġbu jafdali f’idejha.  Paġna ġdida!

Iżda żgur u perżważ li din il-paġna mhux se niktibha waħdi. 
Din il-paġna ġdida se tinkiteb flimkien ma’ Ommna Marija taħt it-titlu ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. 

Iva, din il-paġna mhux se tinkiteb waħedha iżda tinkiteb flimkien u permezz ta’ Ommna Marija.  Marija qiegħda magħna biex takkumpanjana fil-mixja tal-fidi tagħna biex niskopri lil binha Ġesu’. 

Marija qiegħda magħna sabiex fil-mumenti ta’ diffikulta’ nħarsu lejha.

Fr.rueben micallef

Marija qiegħda magħna sabiex fil-mumenti ta’ diffikulta’ nħarsu lejha, hi li kienet wieqfa taħt is-salib.  Marija qiegħda magħna sabiex inħarsu lejha, u permezz tagħha naraw il-ħajja bil-mod li jixtieq binha Ġesu’.  Marija qiegħda magħna, sabiex tgħinna nkunu bnedmin aħjar, dixxipli aħjar, appostli aħjar. 

Bħalma hi kienet takkumpanja lill-appostli fil-mumenti ta’ dgħufija u ta’ biża’, bħalma kienet fiċ-ċenaklu tistenna permezz tat-talb il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll flimkien magħna, qed takkumpanjana permezz tat-talb biex l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina u permezz tagħna, biex inkomplu nwasslu l-kliem ta’ l-Evanġelju b’imħabba ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom, b’mod speċjali dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli.  

Din il-paġna se tinkiteb ukoll permezz tagħkom.  Permezz tiegħek li qed taqra dawn il-kelmtejn.  Din il-paġna se tinkiteb permezz tal-ħidma ġeneruża ta’ bosta.  Permezz tas-sehem ta’ diversi entitajiet parrokkjali u ċivili.  Il-Mulej Ġesu’ jgħidilna, “nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin.

Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13, 34). Għalhekk din il-paġna se tkompli timtela permezz tas-sehem tagħkom sabiex inwasslu l-Kelma t-Tajba, lil batut, lid-dgħajjef, lil min ibati mis-solitudni u lil min hu nieqes mill-ħiliet baziċi tal-ħajja. 
Nitlob lil Marija Immakulata biex tkompli tħares il-Belt tagħha u biex fuq kollox f’din il-paġna il-ġdida tħalli l-marka materna tagħha.

 

Fr.Rueben Micallef

L-Arċipriet