Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

F’Bormla mitt sena ilu :  Il-Kurunazzjoni tal-Madonna
Kitba ta’  Charles Galea Scannura

Mitt sena ilu, f’Bormla saru festi kbar marbutin mal-kurunazzjoni tax-xbieha ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fit-titular tal-parroċċa kolleġġjata ta’ din il-belt. Għalhekk hawn ftit tagħrif dwar dak li ġara fl-1905.

Ix-xewqa li l-Madonna fil-kwadru titulari tas-santwarju ta’ Bormla tkun inkurunata f’ċerimonja solenni kienet ilha tinħass. Wara li l-Papa Piju VII ħareġ id-digriet biex il-parroċċa ta’ Bormla ssir kolleġġjata f’Lulju 1822, kienu nqalgħu xi problemi. Il-kleru Bormliż xtaq li dawn jintrebħu u kollox jitwettaq. Għalhekk jingħad li fit-18 ta’ Settembru 1838 il-Kapitlu għamel wegħda lill-Madonna li jinkurunawha solennement kemm-il darba tinqata’ x-xewqa tagħhom.

Ir-rabta mal-Kunċizzjoni kienet kbira u kienu jfittxu li jġeddu d-devozzjoni lejn il-Madonna u jagħmlu festi kbar marbutin ma’ okkażżjonijiet partikulari. Saru festi kbar meta fl-1854 tħabbret id-domma ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, Ineffabilis Deus, mill-Papa Piju IX. Bil-mod il-mod fil-knisja beda jsir ħafna xogħol biex din tkun tassew imżejna kif jixraq bħala santwarju Marjan. Il-Bormliżi ferħu meta l-Papa Ljun XIII, ftit ġimgħat qabel ma miet, ippubblika Ittra Appostolika li biha ħabbar iċ-ċinkwantenarju tad-Domma u wkoll aktar tard f’Novembru 1904 meta l-Arċisqof Pietru Pace ħareġ ittra pastorali biex iħabbar dan fid-djoċesi Maltija.

Delegazzjoni magħmula mill-Arċipriet, il-Kan. Ġwann Cauchi, u l-Kurat, il-Kan. Ġużeppi Azzopardi, talbu lill-Arċisqof Pace sabiex l-awtoritajiet tal-Vatikan japprovaw il-kurunazzjoni tal-kwadru titulari ta’ Bormla. Twaqqaf kumitat immexxi mill-Maġistrat Lorenzo Ellul biex jibda jieħu ħsieb it-tħejjija meħtieġa. Fl-24 ta’ Jannar 1905 il-Papa Piju X ħareġ id-digriet ta’ l-inkurunazzjoni u għalhekk bdew isiru l-preparamenti meħtieġa għall-okkażjoni. Fost ħwejjeġ oħra ippubblikaw għadd ta’ stampi tal-kwadru tal-kor fuq it-tila.

Marbuta ma’ l-okkażjoni kien hemm ħafna preparamenti ta’ dekorazzjoni u xogħlijiet artistiċi, b’mod partikulari minn idejn l-iskultur Bormliż Abram Gatt. Il-kor, bil-kwadru titulari mpitter minn Pietru Pawl Caruana, kien imħejji kif jixraq. Saru ventaltari tal-fidda u l-istatwa tal-Kunċizzjoni ġiet irranġata u miksija bil-fidda fuq disinn ta’ Abram Gatt. It-tberik ta’ l-istatwa meta nġiebet lura mingħand id-Ditta Antonio Ghezzi ta’ Milan, fit-18 ta’ Ġunju 1905, jista’ jingħad li ta bidu għal festi kbar.

Kien tħabbar li l-Kardinal Domenico Ferrata kellu jiġi Bormla bħala delegat a latere  tal-Papa sabiex jinkuruna l-immaġni tal-Madonna. Għalhekk deputazzjoni tal-Kapitlu flimkien ma’ Dr. Ġann Feliċ Inglott kienet marret titlob lill-Ammirall Charles Beresford sabiex jipprovdi bastiment ħalli jġib lill-Kardinal Malta. L-Ammirall offra l-vapur HMS Surprise. Il-Kardinal kellu jasal fl-20 ta’ Ġunju.

Fis-17 ta’ Ġunju, Mons. Salvatore Grech, il-Vigarju Ġenerali, ħareġ ċirkulari fejn ta’ tifsira tal-kurunazzjoni u ħeġġeġ sabiex nhar l-20 ta’ Ġunju għal xi l-5.00p.m. jindaqqu l-qniepen tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, tal-knejjes tal-Belt Valletta, tat-Tlett Ibliet u tal-Kalkara bħala sinjal ta’ merħba lill-Kardinal. Ħeġġeġ biex jittellgħu l-bnadar fuq postijiet prominenti u ħabbar li nhar il-21 tax-xahar il-Kurja kellha tibqa’ magħluqa. Għal nhar il-kurunazzjoni ħeġġeġ biex ikun hemm mixegħla fil-knejjes.
It-Tnejn 19 ta’ Ġunju fis-7.15p.m. beda daqq ta’ qniepen li dam sejjer xi nofs siegħa biex iħabbar il-bidu tal-festi għall-okkażjoni tant mistennija. Il-programm tal-festi kif kien imħabbar mill-Kan. Falzon, kien jinkludi tridu ta’ preparazzjoni b’għadd ta’ quddies u r-reċita tal-koronċina ta’ l-Immakulata alternata bil-kant u mużika, diskorsi u ċerimonji u devozzjonijiet oħra.

Il-wasla tal-Kardinal, akkumpanjat mill-Arċisqof Pace u dinjitarji oħra, kienet mistennija b’ħeġġa kbira. Uffiċjali tal-Kurja u l-Vigarju Ġenerali marru jilqgħuh abbord malli wasal fil-Port il-Kbir. Jistennewh jinżel id-Dwana kien hemm delegazzjoni tal-Katidral, tal-Kamra Pontifiċja, il-Kapitlu ta’ Bormla u l-kumitat tal-festi. Il-port kien mimli bid-dgħajjes u ħafna nies inġabru madwar ix-xtut u fuq is-swar. Il-Kardinal niżel fl-4.30p.m. u ġie milqugħ bl-unuri pontifiċji u applaws mill-folla li nġabret. Il-Banda San Ġorġ laqgħetu fid-Dwana. Skond il-programm, il-Kardinal daħal fl-ewwel karozza akkumpanjat mill-Arċisqof u kien preċedut mill-pulizija u l-kavallerija. Warajh imxew karozzi oħra li wasslu diversi dinjitarji.

Il-karozza tal-Kardinal telqet lejn il-Palazz ta’ l-Arċisqof. Hemm kien hemm jilqgħuh deputazzjonijiet tal-kulleġġjati, ordnijiet reliġjużi u rappreżentanza tal-kappillani. L-għada beda jirċievi diversi deputazzjonijiet, fosthom tal-Kamra tal-Kummerċ u ta’ l-Avukati. Min-naħa tiegħu l-Kardinal mar iżur lid-Deputat Gvernatur u l-Ġeneral Barron fil-Palazz. L-għada fil-għodu mar Bormla biex iqarben u jagħti benedizzjoni appostolika.

Il-Ħadd 25 ta’ Ġunju 1905 kien il-Jum tal-Kurunazzjoni. Il-programm beda b’quddiesa fil-5.30a.m. mill-Vigarju Ġenerali. Fit-8.30a.m. bdiet iċ-ċerimonja tat-tberik tal-kuruna, magħmula fuq disinn ta’ Abram Gatt, u wara l-quddiesa ta’ l-Immakulata. Imbagħad iċ-ċerimonja kellha tikkonkludi bit-tqegħid tal-kuruna fuq ras il-Madonna.

Dak in-nhar il-Kardinal saritlu manifestazzjoni kbira. Kien hemm mill-ġdid takkumpanjah il-kavallerija tal-Pulizija. Id-daħla tiegħu f’Bormla kienet trijonfali: kien akkumpanjat mill-Arċisqof Pace, l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Camilleri, u Mons. Gaffiero, Isqof titulari ta’ Silimbria. Kien hemm ukoll il-Viċi-Ammirall Bromley. Minn Għajn Dwieli, il-Kardinal ġie akkumpanjat ukoll mill-Banda San Ġorġ u folla kbira sal-knisja ta’ Santa Tereża.

Mill-knisja ta’ Santa Tereża, il-Kardinal mexa sal-parroċċa f’purċissjoni biex jagħmel il-funzjoni tal-kurunazzjoni. Il-Kanċillier Mons. Kan. Giovanni Buhagiar qara l-att tal-kurunazzjoni fil-preżenza ta’ l-Imħallef Dr. Paolo Debono u l-Baruni De Piro Gourgion, u l-Avv. Ellul, president tal-kumitat u t-tabib Inglott, segretarju, xhieda. F’isem il-Kapitlu kien hemm l-Arċipriet il-Kan. Ġwann Cauchi u t-Teżorier il-Kan. Carmelo Vella.

Wara l-qari ta’ l-att, bdiet il-quddiesa. Qabel il-kurunazzjoni l-Kardinal ta l-benedizzjoni pontifikali u għamel kelmtejn ta’ tifħir u glorja lil Marija. Fl-10.15a.m. bdiet iċ-ċerimonja tant mistennija. Il-Kardinal mar fil-kor u tela’ taraġ irranġat apposta u qiegħed il-kuruna fuq ras il-Madonna fost applaws ta’ entużjażmu kbir, daqq ta’ qniepen u sparar ta’ murtaletti. Wara mar fuq it-tron u ntona t-Te Deum. Il-kuruna kienet għamlitha d-Ditta Francesco Meli tal-Belt. Wara li ntemmet iċ-ċerimonja, il-Kardinal ħareġ biex jitlaq mill-ġdid lejn il-Palazz ta’ l-Isqof u saritlu dimostazzjoni oħra.

B’tifkira ta’ l-okkażjoni l-Kardinal ħalla kallotta fil-Każin tal-Banda San Ġorġ. Ġab miegħu kalċi tad-deheb zekkin imżejjen bid-djamanti li kien rigal tal-Papa biex jippreżentah lill-Kapitlu. Fit-28 ta’ Ġunju, il-Kardinal Ferrata reġa’ ltaqa’ mal-Kapitlu ta’ Bormla u saru diskorsi ta’ l-okkażjoni. Il-Kapitlu ppreżentalu kalċi tad-deheb u żewġ ampollini maħdumin bil-filugrani.

F’dawn il-ġranet ta’ festi, it-toroq ta’ Bormla kienu mżejnin u diversi baned, barra l-Banda San Ġorġ, daqqew f’diversi nħawi. Fl-istess waqt, wara l-kurunazzjoni komplew il-festi bi Tridu ta’ ringrazzjament. Il-Kardinal kellu programm mimli jara diversi nħawi ta’ Malta u jiltaqa’ ma’ ħafna rappreżentanti ta’ kapitli, ordnijiet reliġjużi u oħrajn.

Lill-Kardinal kienu ħaduh dawra mill-Imsida sa Tas-Sliema u San Ġiljan. Kien mar iżur il-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt, fejn ġie mdawwar minn folla kbira. Iltaqa’ mal-Kurunell Kelly u mal-Kurunell Biancardi. }ar xi istituti, mar l-Imdina u San Anton fejn ħalla biljett di vista għall-Gvernatur.

Fis-27 tax-xahar mar iżur il-knejjes ta’ Santu Wistin, San Pawl, San Duminku u San Ġwann fil-Belt. Mar ukoll il-Bibljoteka u l-Universita`. Kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mal-Kamra Pontifiċja u ma’ l-Imħallfin. F’San Ġiljan qiegħed l-ewwel ġebla ta’ l-iskola tas-Sacro Cuore u fil-Berġa ta’ Aragona attenda għal riċeviment li sar ad unur tiegħu. It-tluq tal-Kardinal Ferrata minn Malta sar fl-1 ta’ Lulju. L-Ammirall Bromely offra torpediniera, l-H.M.S. Ardent, biex twasslu sa Sirakuża fi żmien tliet siegħat.

Sadattant f’Bormla l-festi tal-kurunazzjoni ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni waslu fi tmiemhom. Saret purċissjoni bl-istatwa akkumpanjata bil-kant tas-Si Levi li kien kiteb il-Karmelitan, Patri Anastasju Cuschieri. Kienu festi kbar li għalkemm kienu jinvolvu l-iżjed lill-belt ta’ Bormla, kienu marbutin ma’ okkażjoni li ħadet xejra nazzjonali. Malta kollha kienet issieħbet f’entużjażmu ta’ devozzjoni lejn il-Madonna meqjuma f’tant parroċċi.

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com