Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

L-Iżvilupp tal-Kult Marjan f’Bormla
Kitba ta' Sunny Aquilina

Qabel ma nikteb dwar il-Kult Marjan f’Bormla, ta’ min naraw x’nifhmu bil-kelma ‘kult’.

Meta nitkellmu fuq ‘kult’ wieħed jista’ jgħid li l-kult hi l-qima f’bosta nies jew poplu. Erin Serracino Inglott jgħidilna li t-tifsira tal-kelma ‘kult’ hi hekk: Ġabra ta’ drawwiet, ta’ mġieba, li bihom juri kif iqim it-twemmin spiritwali tiegħu; ir-reliġjon infisha; ir-rit li bih iqim lil Alla tiegħu; devozzjoni; qima lejn Alla u kull ma jorbtu ma’ ruħu.

Għalhekk, il-qima ġewwiena ma tidhirx iżda naraw l-effetti tagħha fl-imġieba, fid-devozzjoni, għotjiet u xogħlijet oħra li jsiru b’qima lejn Alla, il-Madonna jew lejn il-qaddisin.

Hekk nistgħu ngħidu li t-twaqqif ta’ parroċċa, knisja, fratellanza jew tiżjin huma wkoll xhieda ta’ kult ta’ poplu. L-istess bħalma qabel kellna l-għotjiet ta’ ex voto li wieħed kien jagħtihom meta jaqla’ xi grazzja.

F’dan is-sens, il-knisja ta’ Bormla, bl-armar u t-tiżjin tagħha, huma wkoll xhieda  dejjiema tal-Kult Marjan fil-belt ta’ Cospicua.

Qima bikrija

Sa mill-qedem, f’Bormla nsibu qima kbira lejn il-Madonna, Omm il-Feddej (1). Billi kellha tkun Omm is-Salvatur, Alla ħalaqha mimlija bil-grazzja, u mnissla bla ħtija: Immakulata! Taħt dan it-titlu ta’ Immakulata Kunċizzjoni żviluppat qima kbira lejn il-Madonna, fiż-żmien bikri, taħt it-titlu tal-Madonna tas-Sokkors, jew tal-Għajnuna.

Sa mit-twaqqif tal-parroċċa, il-Bormliżi ħallew bil-kitba li huma kienu taħt il-ħarsien ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. Iż-żewġ titli kienu għal qalb il-Bormliżi. Fil-ktieb maħruġ fl-okkażjoni tas-Sena Marjana 1983, Marian Devotions In The Islands of St. Paul (1600 – 1800), il-Kunċizzjoni u Tas-Sokkors jittieħdu flimkien.

Vincent Borg, l-editur ta’ dan il-ktieb jikteb li l-qima lejn il-Madonna tas-Sokkors maż-żmien żviluppat f’qima lejn il-Kunċizzjoni, u dan ġara wkoll f’Bormla. Il-Knisja ewlenija f’Bormla kienet magħrufaa bit-titlu tal-Madonna tas-Sokkors u fiha kien jinżamm is-Sagrament (2).

Din tissemma fil-Viżta Pastorali ta’ Mons. Pietro Dusina li żarha fid-19 ta’ Frar, 1575. Kienet mibnija tajjeb, imdaqqsa u kellha tliet altari. Għalkemm ħafna mid-djar ta’ Bormla kienu ġġarrfu fi żmien l-Assedju l-Kbir (3), din il-knisja kienet taqdi mal-1,200 ruħ u l-prokuraturi talbu li jkollhom qassis għall-ħtiġiet tagħhom.

Twaqqif tal-Parroċċa

Fl-1 ta’ Ġunju, 1584 saret talba lil Mons. Pietro Francesco Costa, Supretendent ta’ l-Isqof, mill-prokuraturi f’isem il-Bormliżi kollha biex Bormla ssir parroċċa. Wiegħdu li jagħtu 25 skud fis-sena u dar fejn joqgħod il-Kurat tal-Knisja (4).

Din hi data tassew importanti għall-Bormliżi għax turi li Bormla kienet kibret hekk li kien jistħoqqilha ssir parroċċa. Dun Salv Burlo` beda ħidmietu f’Bormla u sar Viċi Rettur. Jissemma fil-Viżta Pastorali ta’ Mons. Ascanio Libertano meta Bormla saret Viċi Parroċċa. Fil-15 ta’ Settembru, 1586 il-Bormliżi rratifikaw il-wegħda li kienu għamlu sentejn qabel.

Dan tniżżel f’kuntratt ieħor għand l-istess Nutar Alban li sar aktar tard, li fih insibu li Bormla kienet taħt il-ħarsien ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni (5).

Rabta qawwija bejn Bormla u l-Madonna

Fl-1586, żgur li l-Knisja ta’ Bormla kienet saret parroċċa għaliha billi mill-1 ta’ Jannar, 1587 jibdew il-magħmudijiet bl-ewwel tarbija li titgħammed tkun tifla bl-isem ta’ Imperia Spiteri.

L-ewwel volum tal-magħmudijiet fl-arkivju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla ma jħalli l-ebda dubju li l-knisja ta’ Bormla kienet parroċċa fl-1586 billi jibda bil-kelmiet Baptismale di quelli che si battezano nella Parrochiale chiesa di Burmula dall’anno 1587.

Barra l-kelmiet Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, fuq nett fl-ewwel paġna fih tpinġija li turi lill-Madonna b’simboli tal-Kunċizzjoni u l-kelmiet: Fl-isem Imqaddes tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu u l-Glorjuża Omm Verġni Marija (6).

L-ewwel kappillan kien Dun Mikiel Cap mis-Siġġiewi li dam imexxi l-parroċċa għal 56 sena, l-aktar wieħed li dam (7). Ħa l-pussess madwar għaxar snin wara, f’Marzu 1596, billi l-Kappillan tal-Birgu, Dun Eutropio Fava kien żamm id-drittijiet tiegħu sa mewtu (8).

Fl-1602, meta għamel viżta parrokkjali l-Isqof Gargallo, it-titular insibuh imniżżel Sanctæ Mariæ Conceptionis del Succorso. Il-knisja parrokkjali tkabbret u nbniet mill-ġdid aktar minn darba. Fl-1732 kienet konsagrata l-knisja li hemm illum, għalkemm wara sar tibdil fit-tiżjin tal-ġebel madwar l-altari.

Il-Fratellanza tal-Kunċizzjoni

Il-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni  -  S. Maria Conceptionis twaqqfet f’din il-knisja ta’ Bormla sa minn qabel ma saret Parroċċa (9).

Ingħatat indulġenza għat-twaqqif tagħha mill-Papa Gregorju XIII f’Ottubru 1581.

Din il-Fratellanza kienet tieħu sehem fil-festa fit-8 ta’ Diċembru (10). Il-fratelli jilbsu konfratija bajda bil-kurdun u muzzetta kaħla.

Id-Domma ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni

Il-knisja parrokkjali ta’ Bormla saret Kolleġġjata fl-1822, fi żmien il-Papa Piju VII li naraw il-pittura kbira tiegħu fis-sagristija. Mons. Ludoviku Mifsud Tommasi, li kien kanonku tal-Kolleġġjata u wara Monsinjur tal-Katidral, ħalla rigal speċjali lill-Bormliżi ta’ kull żmien billi ġietu ispirazzjoni biex isir il-Kwadru Titulari meqjum b’tant għożża fil-Kolleġġjata ta’ Bormla.

Dan hu tabilħaqq is-Santwarju Nazzjonali ta’ l-Immakulata billi x-xbieha tagħha kienet inkurunata f’isem il-qaddis Papa Piju X, mil-Legat tiegħu l-Kardinal Domenico Ferrata nhar il-25 ta’ Ġunju, 1905.

L-inkurunazzjoni saret f’għeluq il-50 anniversarju tad-Domma ta’ l-Immakulata pproklamata mill-Papa Piju IX fl-1854. Għall-okkażjoni ta’ l-Inkurunazzjoni, il-vara devota ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni saret tal-fidda fuq disinn ta’ l-artist Bormliż, Abram Gatt.

Fl-1954, is-Sena Marjana, f’għeluq iċ-Ċentinarju tad-Domma, żaru dan is-Santwarju eluf ta’ nies u saru bosta pellegrinaġġi. Delegazzjoni Bormliża, bil-bandalora bix-xbieha tas-Santwarju kienet ma’ delegazzjonijiet oħra bi xbiehat ta’ santwarji oħra mid-dinja kollha f’ċelebrazzjoni Marjana f’Ruma. Il-Papa Piju XII waħħal midalja mal-bandalora.

F’din is-Sena Marjana, 1954, is-Santwarju Bormliż deher ukoll fuq sett bolol li ħareġ f’Malta.

Sena wara ħabat iċ-Ċinkwantinarju mill-Inkurunazzjoni; saru festi speċjali u l-Kardinal Federico Tedeschini poġġa stillarju madwar ir-ras inkurunata tal-kwadru ta’ l-Immakulata.

Pellegrinaġġ storiku

Episodju ieħor marbut mal-ġrajja ta’ dan is-Santwarju kien il-pellegrinaġġ kbir tad-19 ta’ Novembru, 1944 minn Birkirkara għal Bormla. Il-Kwadru Titulari u l-Vara tal-Kunċizzjoni kienu ttieħdu f’Birkirkara biex jiġu mħarsa mill-attakki mill-ajru fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Billi Bormla, li qiegħda tant viċin it-Tarzna, kienet żgur se tkun fil-mira ta’ l-attakki, kien hemm biża’ kbir li tiġġarraf il-knisja tant għażiża għall-Bormliżi. Għalhekk kienet saret wegħda li jekk il-knisja teħlisha u ma tiġġarrafx isir pellegrinaġġ kbir meta jinġiebu l-Kwadru u l-Vara minn Birkirkara għal Bormla.

Eluf kbar ta’ nies kienu ħadu sehem, kif ukoll baned minn kull lokal li għadda minnu l-pellegrinaġġ. Il-fervur, id-devozzjoni, il-ferħ, l-entużjażmu u t-talb ta’ radd il-ħajr baqgħu tul dawn l-aħħar sittin sena tifkira għażiża għal kull min għex dik l-esperjenza.

Dawn il-ġrajjiet hekk għal qalb il-Bormliżi ssiġillaw ir-rabta bejn ulied il-belt Cospicua u Ommna Marija. Huma xhieda dejjiema ta’ devozzjoni ġejja mill-qedem u mnaqqxa bid-deheb fl-istorja tal-Parroċċa li tgħodd mal-420 sena. Ġrajjiet li ż-żmien ma jħassarx.

Riferenzi:

(1) Kan. J. Cassar – Żvilupp tal-Qima Lejn Marija Verġni Immakulata f’Bormla, G. Muscat 1949 pp.14,15.
(2)  Vincent Borg Ed. – Marian Devotions in the island of St. Paul (1600 – 1800), The Historic Society – Malta Committee Marian Congress 1983 p.92 u Charles Galea Scannura (a) – Immakulata Kunċizzjoni, fil-ktieb Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom Vol.1, Pin 1993 p.75.
(3)  Balbi Di Correggio – The Great Siege of Malta 1565 p.41.
(4) Charles Galea Scannura – op. cit. (a) p.75 u (b) Tagħrif Storiku Dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, ta’ l-istess awtur p.3.
(5)  Ibid, (a) p.75 u (b) p.3.
(6) Arkivju Kolleġġjata ta’ Bormla – Magħmudijiet Vol.1.
(7)  Joseph R. Gatt – Mexxejja Pastorali ta’ Bormla, Artiklu fil-programm Festa ta’ Marija ImmakulataBormla 1995, p.75.
(8)  Charles Galea Scannura – Op. cit, (b) p.4.
(9)  Vincent Borg – Op. cit, p.92.
(10)  Charles Galea Scannura – Op. cit, (a) p.76.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com