Il-Kelma tal-Arċipriet - Dicembru 2012

Għamlu dak li jgħidilkom Hu.

Marija hija l-mara sempliċi li l-Mulej tefa’ ħarstu fuqha u li permezz tagħha wassal lill-bniedem lil ibnu Ġesù. Lilna lkoll tana l-għajnuna biex niskopruh b’mod ġdid, f’dawl ġdid, permezz ta’ Ġesù Kristu. Marija hija dik li twassalna għand Ġesù u li dejjem iżżomm il-ħarsa tagħha fuqu. Bl-istess mod hija trid li aħna lkoll nżommu l-ħarsa tagħna fuq binha Ġesù. Min iħobb lil Marija ma jistax ma jagħmilx dak li hija tħobb, li jfisser li tassew inħobbu lil Ġesù. Inħobbuh billi tassew ngħixu ta’ Nsara u billi tassew inkunu miftuħin għal dak li jixtieq Alla mingħandna.

Biex inkunu nistgħu nikbru f’dan l-atteġġjament tajjeb illi nersqu aktar ta’ spiss lejn l-isbaħ talba li hija it-talba tal-quddiesa. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa aħna nkunu qegħdin

Min iħobb lil Marija ma jistax ma jagħmilx dak li hija tħobb.....

Fr. Reuben Micallef

ningħaqdu ma’ Ġesù fis-sagrifiċċju tal-kalvarju, u nkunu wkoll qed ningħaqdu ma’ Marija fl-iva tagħha lil Alla. Fil-quddiesa aħna nkunu qegħdin nipparteċipaw fis-sagrifiċċju tal-kalvarju. Inkunu qegħdin nersqu lejn Ġesù u Marija billi magħhom u permezz tagħhom insiru ħaġa waħda magħhom.

It-tieni mod kif nistgħu nikbru f’Ġesù huwa propju permezz tat-talba tar-rużarju. Bit-talba tar-rużarju nkunu qegħdin nistiednu lil Marija biex takkumpanjana fit-talb tagħna lejn Alla. It-talba tar-rużarju mhijiex talba lil Marija, iżda hija talba ma’ Marija. Ma’ Marija biex inżommu ħarsitna lejn Ġesù. Infatti fir-rużarju aħna nkunu qegħdin nimmeditaw diversi episodji li Ġesù għaddha minnhom. Permezz tal-kontemplazzjoni tagħna f’dawn l-episodji nkunu qegħdin propju nidħlu fil-misteru tal-inkarnazzjoni. Jiġifieri fil-misteru tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem bħalna.

Ejjew inħarsu lejn dan iż-żmien tal-festa bħala żmien ta’ grazzja fejn nikbru b’sinċerità fl-imħabba lejn Ommna Marija u binha Ġesù. Ejjew inħarsu lejn dan iż-żmien tal-Milied bħala żmien fejn naraw dejjem aktar l-imħabba ta’ Alla lejna. Alla li tana kollox. Tana lil ommu u lil ibnu Ġesù.

 

Kan.Reuben Micallef

 

L-Arċipriet