Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2013

Wasal it-Tberik!

Wasal it-tberik!

Meta tgħaddi l-festa tal-Għid dejjem nistennew li jasal it-Tberik. Forsi għalina t-tberik sar parti mill-kultura tagħna. Jiġi s-saċerdot, jagħmel talba, jitfa’ l-ilma u naħsbu li għadda kollox.

Iżda s-sinifikat tat-tberik huwa ferm aktar minn hekk. Permezz tat-talba tal-barka aħna nkunu qegħdin nistiednu l-barka ta’ Alla fuqna. Inkunu qegħdin nistiednu l-għajnuna ta’ Alla fuq il-membri tal-familja tagħna.

It-talba tal-barka tkun qed tpoġġina lkoll fid-dispożizzjoni biex ninfetħu għall-protezzjoni ta’ Alla, iżda wkoll fl-istess waqt inkunu qegħdin nieħdu fuqna r-responsabbiltà biex nagħmlu dak li jogħġob lil Alla, jiġifieri li nippruvaw ngħixu l-vanġelu f’ħajjitna.

Jalla d-djar kollha tagħna ikunu miftuħin għas-sliem li l-Mulej irrid jagħti lilna lkoll, fi djarna, u f’ħajjitna

Kan. Reuben Micallef

Fil-Vanġelu ta’ San Mark f’kapitlu 6, 10 insibu hekk “fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqgħukomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm, farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontriehom”.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew f’kapitlu 10, 12 insibu hekk “meta tidħlu f’dar sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha is-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa’ lura għandkom is-sliem tagħkom”.

Jalla d-djar kollha tagħna ikunu miftuħin għas-sliem li l-Mulej irrid jagħti lilna lkoll, fi djarna, u f’ħajjitna. Fuq kollox Kristu Rxoxt huwa dak li kull meta daħal f’nofs l-appostli dejjem sellmilhom bil-frażi “il-Paċi Magħkom”. Jalla il-paċi tal-Mulej tkun f’ ħajjitna u fi qlubna lkoll.

 

L-Arċipriet