Il-Kelma tal-Arċipriet - Diċembru 2013

Inweldu lil Ġesù

Il-Milied huwa iż-żmien li jfakkarna fit-twelid tal-Mulej fl-Umanità.  Alla li jsir bniedem.  X’misteru!  U aħna lkoll ninsabu f’dan il-misteru.  Dan għaliex aħna lkoll imsejħin biex inweldu lil Ġesù.  Bħalma Marija garret lil Ġesù fil-ġuf tagħha,u welditu fil-grotta ta’ Betlehem, hekk ukoll aħna msejħin biex niparteċipaw f’dan il-misteru u nweldu lil Ġesù fid-dinja tal-llum.

Si tfisser li twelled lil Ġesù?
Tfisser illi nkunu aktar konxju u aktar familjari ma’ dak li tgħidilna l-Kelma Mqaddsa.  San Ġirolmu jgħidilna illi min ma jafx il-Kotba Mqaddsa x’jgħidu l-anqas jaf lil Ġesù.  Mela min jaf kemm il-darba smajna lil min jgħidilna biex il-Bibbja ma nħalluhiex fuq l-ixkaffa iżda nużawha.  Aktar ma nkunu familjari ma’ dak li l-kotba Mqaddsa jgħidulna aktar nsiru nafu min hu Ġesù.

Li nweldu lil Ġesù tfisser ukoll li nersqu lejH fl-Ewkaristija.  Ġesù huwa l-għajn tal-ħajja.  Jinsab preżenti fl-Ewkaristija biex jiena u inti niehduh fil-ħajja tagħna, nġorruh fil-qalb tagħna biex bhekk nikkonsmawh.  Il-papa Benedittu XVI f’wieħed mid-diskorsi tiegħu jgħid b’tant ħeġġa illi bħalma aħna nieklu l-ikel biex nibdluh fil-ġisem tagħna.  Aħna nieklu l-ħobż tas-sema biex aħna ninbidlu fil-ħlejjaq tas-sema. 

Li nweldu lil Ġesù tfisser li l-imġieba tagħna tkun tixbah aktar lil dik ta’ Kristu.  San Pawl jgħidilna li irridu nilbsu lil Kristu fl-atteġġjamenti tagħna, fl-imġieba tagħna, fi kliemna, fil-valuri tagħna, fil-prinċipji tagħna.  Din hija is-sejħa tagħna.  Li nilbsu lil Kristu.  Fil-magħmudija tagħna ilbisna din il-libsa l-bajda biex tfakkarna li aħna irridu nilbsu lil Kristu kull fejn inkunu.

Twelled lil Ġesù tfisser ukoll li tbati miegħu.  Tbati miegħu għaliex fil-ħajja mhux dejjem l-affarijiet jiġuna ward u żahar.  Anzi ħafna drabi l-affarijiet fil-ħajja ma jiġux kif inkunu nixtiequ.  Iżda għal dan l-iskop aħna għandna nitgħallmu wkoll b’liema mod għandna nħarsu lejn it-tbatija.  It-tbatija m’hijiex hemmek biex lilna tifgana u tkissirna.  Nitolbu lil Mulej Ġesù biex bħalma hu sa mill-bidu tal-għixien tiegħu bħala bniedem fostna beda jbati minħabba id-dnub tagħna l-bnedmin.  Hekk ukoll aħna nitgħallmu xi tfisser inħarsu lejn Ġesù tarbija u nitolbuh biex nikbru fl-ispirtu tiegħu.

 

Fr. Reuben
Arċipriet