Il-Kelma tal-Arċipriet - Frar 2013

L-Appostlu Missierna San Pawl u r-Randan.

Fl-10 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl. Appostlu għaliex għex il-vanġelu b’mod drastiku u ta ħajtu biex ixerred il-kelma ta’ Kristu. Missierna għaliex huwa propju San Pawl, bħalma lkoll nafu li ġabilna l-fidi. F’din is-sena ddedikata lill-fidi għandna nagħtu aktar importanza lil dan l-avveniment. Mhux biex noqogħdu nħarsu lura lejn l-istorja ta’ pajjiżna u  tal-fidi nisranija f’pajjiżna, iżda biex tgħinna nħarsu ’l quddiem.

Il-fidi tirrifletti l-umiltà tal-bniedem li għalkemm ma jifhimx u forsi ma jsibx spjegazzjoni għal ċerti affarijiet, ikollu bżonn b’umiltà, jemmen dak li ma jistax jifhem.

Kan. Reuben Micallef

 

Tgħinna nħarsu ’l quddiem billi niskopru aktar l-għerq nisrani tagħna. Sfortunatament, ħafna pajjiżi li l-għerq tagħhom huwa propju dak nisrani, qegħdin iwarrbu l-fidi. Fostna m’għandux ikun hekk.

 

 

U  jekk qed jiġri hekk m’għandniex inħallu li kollox jibqa’ għaddej bħallikieku mhu qed jiġri xejn.

Il-fidi tirrifletti l-umiltà tal-bniedem li għalkemm ma jifhimx u forsi ma jsibx spjegazzjoni għal ċerti affarijiet, ikollu bżonn b’umiltà, jemmen dak li ma jistax jifhem. Jitlob, għalkemm ma jifhimx il-ħafna għalixijiet tal-ħajja.

Il-fidi tirrifletti s-sempliċità li l-bniedem iħaddem fil-ħajja tiegħu. Il-bniedem sempliċi fl-atteġġjamenti tiegħu huwa l-bniedem li aktar jikkopera mal-għemejjel ta’ Alla.

Il-fidi fl-istess waqt hija fraġli ħafna. Malajr tista’ tintilef u malajr tista’ tiddgħajjef. Il-bniedem li ma jiħux ħsieb tad-don tal-fidi f’ħajtu faċli jitlef l-atteġġjament tal-ħtieġa li jgħix f’Alla u b’Alla fil-ħajja kollha tiegħu.

Dan kollu nistgħu faċilment norbtuh mar-Randan. Dan għaliex ir-Randan huwa t-tisħiħ tal-fidi tagħna. Il-Knisja toffrilna dan iż-żmien tar-Randan biex nidħlu fina nfusna, neżaminaw l-imġiba tagħna u nippruvaw napprofondixxu, jew nidħlu aktar fil-fond fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Dan huwa l-għan tar-Randan. Li nsibu modi ġodda kif nidħlu fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ dawk ta’ madwarna. Kemm huwa importanti li ma nħallux dan iż-żmien jgħaddi mingħajr ma nagħtuh importanza. Kemm ikun għaqli jekk jirnexxielna f’dan iż-żmien tar-Randan nagħtu aktar importanza lill-qari tal-Kelma ta’ Alla fi djarna, lill-quddiesa aktar ta’ spiss, mhux biss tal-Ħadd, jekk jirnexxielna nersqu aktar lejn is-Sagrament tal-Qrar.

Ejjew insaħħu l-fidi tagħna billi nkunu aktar ta’ dawl, jiġifieri ta’ xhieda għal xulxin.

Tħallix li tgħaddi sena oħra u forsi meta tkun għaddiet tinduna li ħajtek ma nbidlitx għall-aħjar.

 

L-Arċipriet