Il-Kelma tal-Arċipriet - Ġunju 2013

L-Ewkaristija u l-Ħajja Soċjali

Fl-Atti tal-Appostli (Atti 2; 43-47) insibu;
            “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom kienu jaqsmu d-dħul bejn kulħadd skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja, u kienu jfaħħru lil Alla u l-poplu kollu kien iġibhom”

F’din is-silta qasira mill-Atti tal-Appostli nsibu kif l-ewwel insara kienu jgħixu flimkien. Din il-kitba mhijiex sempliċiment idea, jew xi ħajja ideali li wieħed għandu jħares lejha bħal ħolma. Din kienet ir-realtà. L-appostli u dawk kollha li kienu jemmnu qabel ma kienu jingħaqdu għall-ikla flimkien kienu l-ewwel jaħsbu fl-armla, fil-batut, fil-moribondi, f’dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Dan ma kinux jagħmluh fil-ħsieb iżda bil-fatti. Anzi dan kien il-mod ta’ għixien tal-insara. Biex tkun nisrani trid tidħol f’din it-tip ta’ ħajja inkella tkun għadek m’intix nisrani.

Hawnhekk nindunaw kemm il-ħajja soċjali hija magħġuna fl-Ewkaristija u kemm l-Ewkaristija hija l-mixja ta’ dawk li lesti jaqsmu ħajjithom, b’dak kollu li għandhom fil-ħajja mal-oħrajn. Jekk in-nisrani, jew aħjar min jgħid li jemmen ma jdaħħalx aktar f’ħajtu dan l-atteġġjament, jiġifieri l-atteġġjament tal-għajnuna lill-oħrajn u tal-karità, ikun qisu għadu ma bediex il-mixja nisranija, . . . . . Ikun għadu ma bediex jgħix l-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija l-ikla tal-aħwa flimkien wara li matul il-ġurnata jkunu wettqu l-opri tal-ħniena, bħalma huma l-karità, u l-imħabba lejn dawk li huma l-aktar batuti.

 

Fil-parroċċa tagħna nsibu realtijiet diversi. Hemm dawk li b’xi mod jew ieħor għandhom il-ħiliet neċessarji biex ifendu għal rashom u jibnu futur diċenti għall-ħajjithom u għal uliedhom. Kif ukoll hemm dawk li fil-ħajja għad m’għandux dawk il-ħiliet bażiċi biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw il-ħajja. Anzi sfortunatament jibdew deħlin minn problema għal oħra, għax ma jkunux jafu mod ieħor.

 

Dawn iż-żewġ realtajiet xi jfissru? Ifissru li dawk li għandhom il-ħiliet basiċi biex jaffrontaw il-ħajja jekk jidħlu aktar f’dak li jgħidu l-Atti tal-Appostli, u jekk jifhmu aktar xi tfisser il-magħmudija, jindunaw kemm huma mdawrin b’nies li jistgħu jgħinuhom u li permezz tagħhom jikbru tassew fis-sinifikat tal-Ewkaristija.

 

Fil-parroċċa għandna l-Kummissjoni Djakonija li l-għan tagħha huwa propju dak li tgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Hija mod prattiku u opportunità kif wieħed jistà jkun aktar bniedem Ewkaristiku.

Fr. Reuben
Arċipriet