Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2013

Bdiet sena ġdida u bla ma rridu nistaqsu min jaf din is-sena kif se tkun? Min jaf x’tip ta’ sorpriżi se jkollna matul din is-sena? Min jaf jekk l-affarijiet li għaddejjin minnhom humiex se jiġu għall-aħjar jew għall-agħar? Min jaf jekk dak li ili tant nixtieq huwiex se jsir realtà matul din is-sena jew le? Aħna l-bnedmin nagħmlu ħafna mistoqsijiet u bir-raġun. Iżda sfortunatament aħna l-bnedmin ninsabu limitati minħabba ż-żmien. Aktar ma jgħaddi żmien minn fuqna aktar nindunaw kemm iż-żmien jgħaddi malajr u kemm m’aħna xejn.

Kollox jgħaddi u kollox jintemm. Tafu bħali x’jibqa’ għal dejjem: ir-ruħ tagħna! Dik iż-żmien la jxejjaħha u l-anqas idgħajjifha. Mhijiex bħall-ġisem tagħna li maż-żmien jimrad aktar malajr u jsir aktar fraġli.

Tħallix li tgħaddi sena oħra u forsi meta tkun għaddiet tinduna li ħajtek ma nbidlitx għall-aħjar.

Fr. Reuben Micallef

Mela nieħdu ħsieb ruħna. Għaliex ruħna jekk iż-żmien ma jagħmlilha xejn, id-dnub jagħmlilha. Kemm huwa bżonn li nindunaw li aħna tassew Tempju ta’ Alla, u li f’dan it-Tempju, jiġifieri fil-ġisem tagħna jgħix Alla. Kemm hu importanti li nkunu konxji li f’kull mument tas-sena, f’kull mument tax-xahar, f’kull mument tal-ġurnata Alla jinsab magħna, u ma’ Alla ma jiċċajta ħadd. Lil Alla xejn ma nistgħu naħbulu, lil Alla xejn ma nistgħu nagħmlu minn wara dahru. Għaliex Alla ma jgħixx fiż-żmien, fil-passat jew fil-futur. Alla huwa biss il-preżent u għaliex huwa biss il-preżent, kollox jinsab fih. Għalhekk aħna fih u Huwa fina.

Matul din is-sena - aħna li ninsabu fis-Sena tal-Fidi, nippruvaw nikbru tassew fl-għarfien tal-fidi. Nippruvaw niskopru aktar xi tfisser sena mimlija bil-preżenza ta’ Alla. Nippruvaw nindunaw xi jfisser li nkunu nies li tassew nippruvaw nagħmlu esperjenza ta’ Alla f’ħajjitna.

Tħallix li tgħaddi sena oħra u forsi meta tkun għaddiet tinduna li ħajtek ma nbidlitx għall-aħjar.

Tħallix li tgħaddi sena oħra u jekk hemm xi difetti f’ħajtek jibqgħu hemmhekk.

Tgħidx “jien hekk magħmul!”, għaliex tkun qed toqtol is-sens tat-tama f’ħajtek. Tgħidx “is-sitwazzjoni tiegħi ma tistax tinbidel”, għaliex in-nisrani hu dak li wara kull sħaba jistenna b’azzjoni x-xemx li terġa’ toħroġ.

 

Kan.Reuben Micallef

 

L-Arċipriet