Il-Kelma tal-Arċipriet - Lulju 2013

Fejn mar ir-rix?

San Filippu Neri huwa qaddis kbir li għex f’Ruma fis-seklu sittax. Għamel ħafna ġid f’din il-belt. Fosthom kien ħoloq l-ewwel oratorju, fejn ġabar flimkien lil diversi tfal u żgħażagħ u beda jgħallimhom u jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum. Minħabba li wħud miż-żgħażagħ kienu dejjem jgħixu fit-triq mhux l-ewwel darba li kienu jispiċċaw f’inkwiet kbir u fi ġlied. Tant hu hekk li darba minnhom żagħżugħ mill-oratorju kien kważi qatel raġel u dan kellu jaħrab biex ma jispiċċax il-ħabs.

Ġara li meta għadda ż-żmien, kważi xi ħames snin, dan il-ġuvni reġà mar lura u San Filippu Neri reġa’ laqgħu fl-oratorju. San Filippu wkoll tah ix-xogħol li jieħu ħsieb il-kor tat-tfal li dan il-ġuvni kien beda jieħu ħsieb b’tant għożża u mħabba. Ikun hemm waħda mara li għarfet lil dan il-ġuvni u dak li kien għamel fil-passat. Biex tħossha importanti malajr bdiet tgħid lil kulħadd li dan il-ġuvni kien qattiel u bniedem qarrieq. Sfortunatament, in-nies influwenzati minn din il-mara malajr ħaduha kontra dan il-ġuvni, tant li kellu jerġa’ jaħrab minn dak l-oratorju.

Din il-mara ġurnata minnhom maret tqerr għand San Filippu Neri u qaltlu dwar id-diskors li hi xerrdet dwar dan il-ġuvni. San Filippu Neri ta’ raġel qaddis li kien, ta’ ftit kliem iżda li jgħaraf il-qalb, ried jagħti tagħlima tajba lil din il-mara. Bħala penitenza qalilha biex meta terġa’ tmur il-Knisja, hija u sejra fit-triq taqbad tiġieġa u tibda tnittifha fit-triq. Bdiet tgorr għaliex bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha: dan x’penitenza stramba tani.

Meta waslet il-Knisja u sabitu qaltlu li għamlet dak li talabha. Urietu t-tiġieġa mnittfa u hu qalilha biex terġa’ lura fit-triq minn fejn għaddiet u terġa’ tiġbor ir-rix li kienet xerrdet. Il-mara bdiet  tirrabja għax bdiet tgħidlu, “Kif jista’ jkun nagħmel dan?” u hu bi tbissimha fuq fommu u fl-istess waqt bis-serjetà qalilha, “U inti kif mela se tirranġa l-ħsara li għamilt lil dan il-ġuvni?”

Ma hemmx għalfejn ngħid ħafna affarijiet dwar it-tgħalima ta’ din il-ġrajja ta’ San Filippu Neri.  Ilkoll nifmuha.  Kulħadd irrid jerfà r-responsabiltà ta’ kif juża kliemu u ta’ kif nitkellmu fuq l-oħrajn, iktar u iktar jekk dak li nkunu qegħdin ngħidu jkun gideb jew nofs verità.

 

Fr. Reuben
Arċipriet