Il-Kelma tal-Arċipriet - Marzu 2013

Is-Salib u n-Nisrani.

In-Nisrani huwa nisrani għax fil-mument ta’ tbatija jaf iġorr is-Salib bil-mod kif ġarru Ġesù Kristu.

Forsi iebsa biex nifhmu dan li għadni kif ktibt, iżda din hija l-verità. Li n-nisrani juri kemm hu nisrani meta fil-mumenti ta’   tbatija ikun kapaċi jġorr it-tbatija bil-mod kif jgħallimna l-Mulej tagħna - Ġesù. Ħafna drabi ta’ bnedmin li aħna naħsbu illi aktar ma nersqu qrib ta’ Alla aktar se jonqsulna d-diffikultajiet fil-ħajja u aktar se ngħixu ħajja komda. Iżda, fil-fatt il-verità tal-ħajja mhux dejjem hekk turina. Anzi xi kultant issib min jgħidlek, dan għalfejn ġrali hekk, jien dejjem mort il-quddiesa l-Ħadd, jien dejjem nitlob. Kif kellu jiġrili hekk? Nitkellmu hekk għaliex bħala bnedmin inħossu u nbatu. Iżda l-Mulej ġie fostna biex jgħallimna kif għandna nħarsu lejn dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja u mhux biex quddiem dawn il-mumenti nogħtru jew naqgħu taħt il-piż tas-salib.

In-Nisrani huwa nisrani għax fil-mument ta’ tbatija jaf iġorr is-Salib bil-mod kif ġarru Ġesù Kristu.

Kan. Reuben Micallef

Darba kien hemm wieħed raġel illi dan beda jipprova jsib mod kif jaħrab mill-iebes tal-ħajja. Beda jinduna illi jagħmel x’jagħmel b’xejn ma seta’ jeħles mis-sagrifiċċji, mill-mumenti ta’ solitudni u mid-diżappunti. Darba minnhom saqsa lil Alla u qallu, għalfejn qiegħed tagħmilli hekk? Jaqaw se toqgħod tinkini. Wieġbu l-Mulej, Inti x’int tipprova tagħmel? Għadek ma ndunajtx li  fil-ħajja tagħmel x’tagħmel dejjem se ssib mument li forsi ma tixtiqux. Inti għadek ma tgħallimtx kif tgħix dak il-mument. Ħares lejn ibni Ġesù. Għamel kif għamel Hu.   Intelaq aktar f’idejja, fit-talb, fil-kontemplazzjoni u fil-ġenerożità u tara kif titgħallem minflok taħrab mill-ħajja tidħol fiha b’wiċċek minn quddiem.

Il-ħajja qisha xtajta li trid taqsam għan-naħa l-oħra tagħha. Ma tistax tgħaddi għan-naħa  l-oħra mingħajr ma taffronta l-mewġ. Il-Mulej Ġesù dan li għallimna. Kif naffrontaw il-mewġ tal-ħajja. Bid-differenza li hu se jkun magħna jekk aħna nkunu rridu nkunu miegħu.  

 

 

 

 

 

L-Arċipriet