Il-Kelma tal-Arċipriet - Mejju 2013

L-Omm tagħna tad-dinja u l-Omm tagħna tas-sema

Ix-xahar ta’ Mejju ifakkarna b’mod speċjali fl-Ommijiet tagħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku napprezzaw aktar l-ommijiet tagħna. Nifhmu aktar dak li jagħmlu għalina, jew li għamlu magħna. Il-missjoni ta’omm mhijiex missjoni sempliċi, iżda hija pjuttost missjoni diffiċli. Dan għaliex l-omm trid tgħin bl-imġiba tagħha u bl-għemil tagħha lil uliedha jifhmu li huma maħbuba u apprezzati.

Hija propju permezz tal-imġiba tal-omm li l-ulied jifhmu aktar li huma importanti u li huma speċjali. Dan jgħin lill-ulied biex meta jikbru jaffrontaw il-ħajja b’aktar impenn, responsabbiltà u b’serjetà. Ovvjament, m’hemmx għalfejn ngħid, illi meta xi drabi  l-ulied meta jikbru ma jġibux ruħhom sew mhux dejjem ifisser li l-ġenituri ikunu naqsu lil uliedhom, anzi xi kultant imġiba ħażina tista’ tkun frott ta’ kumpanija ħażina jew żbaljata.

Hija propju permezz tal-imġiba tal-omm li l-ulied jifhmu aktar li huma importanti u li huma speċjali.

Kan. Reuben Micallef

 

 

 

 

Ma nistax waqt li nitkellem dwar l-ommijiet tagħna, ma nitkellimx dwar l-omm tagħna tas-sema - Marija. Marija hija l-Omm tagħna lkoll. Binha Ġesù tahilna minn fuq is-salib biex tgħinna nifhmu dejjem aktar l-imħabba materna li Alla l-Missier għandu għal kull wieħed u waħda minna. Marija turina l-wiċċ femminili ta’ Alla. Fejn fiha naraw lil Alla li permezz ta’ tant umiltà, sempliċità u silenzju jersaq lejna l-bnedmin b’tant imħabba u serenità.

Bla dubju fostna l-Bormliżi, Marija għandha post speċjali fil-qalb tagħna. Ejjew nippruvaw matul dan ix-xahar nitolbu it-talba li ommna Marija tant tħobb. Qed nirreferi għat-talba tar-rużarju.

Permezz ta’ din it-talba nkunu qegħdin flimkien ma’ Marija stess nikkontemplaw il-mumenti l-aktar importanti ta’ Ġesù flimkien ma’ Marija. Li kieku nippruvaw din it-talba li hi tant għal qalb l-omm tagħna tas-sema nitolbuha fil-familji kollha tagħna, fid-djar kollha tagħna, żgur li nagħmlu differenza   fil-parroċċa tagħna.

 

 

Fr. Reuben
Arċipriet