Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2013

Jum il-Qaddisini kollha, jum il-mejtin kollha u l-ħruġ min-niċċa tal-Kunċizzjoni.

Il-bidu ta’ dan ix-xahar jibda biċ-ċelebrazzjoni tal-qaddisin kollha, fil-waqt li nagħlqu dan ix-xahar bil-festa tal-ħruġ min- niċċa tal-Kunċizzjoni. Xahar varjat, fejn fih niftakru wkoll b’mod speċjali fl-għeżież tagħna li ħallewna u fl-istess waqt niftakru fil-ħajja ta’ dejjem li qiegħda hemmhekk għal kull wieħed u waħda minna. Dejjem jekk aħna naħdmu u nistinkaw għaliha.

Ilkoll kemm aħna msejħin biex ngħixu t-triq tal-qdusija. Forsi xi kultant ninsew illi aħna msejħin ukoll biex ngħixu din it-triq tal-qdusija, biex inkunu qaddisin. Ħafifa din it-triq? Le mhijiex. Anzi l-bniedem li bil-mod il-mod jibda jifhem xi ħaġa żgħira ta’ xi tfisser tagħmel it-tajjeb li Alla jsejjaħlek tagħmel, jibda jinduna li titlob prezz. Mhux prezz żgħir. Anzi li nkunu qaddisin titlob ħajja sħiħa u determinazzjoni qawwija. Il-jum kollu. Il-ħsieb kollu. Li wieħed jipprova jgħix it-triq tal-qdusija tfisser li wieħed jgħix ħajja aktar magħquda ma’ Alla. Ħajja aktar iffukata fuq Alla. Il-problema fid-dinja tal-lum hija li għandna wisq xi jfixkilna u x’jaljenana minn din il-viżjoni ta’ ħajja qaddisa. Is-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna hija li nsiru ħaġa waħda ma’ Alla. Kif jgħallimna l-Mulej Ġesù; Jiena u l-Missier ħaġa waħda. Hekk ukoll aħna msejħin biex tassew inkunu ħaġa waħda flimkien u ħaġa waħda ma’ Alla.

Ommna Marija dan li għamlet. Li ħalliet lil Alla jħobbha. Saret ħaġa waħda miegħu. Saret l-għamara ta’ Alla. Strument f’idejh li permezz tagħha l-Mulej kiteb fl-istorja tal-bniedem. Huwa propju permezz ta’ Marija li aħna nkunu nistgħu nifhmu aktar xi tfisser inkunu ta’ Alla.

Il-jum li fih nibdew permezz tal-ħruġ min-niċċa, m’għandniex narawh bħala sempliċiment ħruġ ta’ statwa. Iżda, irridu naraw il-mod ta’ kif aħna għandna noħorġu minna nifisna biex inkunu mal-oħrajn u għall-oħrajn. Il-ħruġ min-niċċa irid ifisser għalina wkoll il-mod ta’ kif aħna għandna noħorġu mit-toroq tagħna biex inwettqu dak li hu ta’ Alla. Marija ħarġet minn triqitha u l-pjanijiet tagħha warrbithom kollha biex tagħmel dak li jogħġob lil Alla. Aħna, inti, lest li bħal Marija toħroġ minn triqtek biex tagħmel dak li jogħġob lil Alla?

 

Fr. Reuben
Arċipriet