Il-Kelma tal-Arċipriet - Settembru 2013

Is-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni

Għadu kif għadda l-aħħar Sibt ta’ Awwissu u bħala parroċċa nibdew is-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni. L-għan ta’ dawn is-Sibtijiet huwa li aħna nibdew inħejju ruħna bħala parroċċa għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

 

Dawn is-Sibtijiet jgħinuna sabiex bħala komunità nħarsu lejn aspetti diversi tal-fidi tagħna u jgħinuna nifhmu aktar dak li se niċċelebraw il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru.

Huwa fil-ħsieb tagħna li matul dawn is-Sibtijiet nistiednu diversi kategoriji ta’ nies u ta’ żoni sabiex f’dak is-Sibt partikolari tingħata aktar attenzjoni lilhom. Dan ovvjament ma jeskludix il-kumplament tal-komunità. Dan għaliex huwa propju bis-sehem ta’ kulħadd li nifhmu x’inhu s-sens tal-parroċċa. Jiġifieri ta’ komunità nisranija li tgħix flimkien.


Is-sehem ta’ kulħadd huwa importanti biex il-komunità tkun aktar sħiħa u propju f’dawn is-sibtijiet se nkunu nistgħu naraw  id-diversi ħidmiet u impenji li diversi persuni jagħmlu biex il-parroċċa tagħna tkun aktar sabiħa.

 

Nixtieq bil-quddiem nirringrazzja minn qalbi lil kull min jagħti sehemu sabiex ikollna ħidma attiva fil-parroċċa. Is-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna jgħodd u jagħmel differenza.

 

Nitolbu lil Ommna Marija Immakulata sabiex tgħinna nifhmu dejjem aktar l-importanza ta’ binha Ġesù fil-ħajja tagħna u sabiex dawn is-Sibtijiet jgħinuna nifhmu dejjem aktar li aħna parti minn komunità nisranija sħiħa.

 

Fr. Reuben
Arċipriet