Id-Diskors fl-Okkazzjoni tal-Ftuħ Uffiċċjali tal-Baċir No 1

Onorevoli Ministri
Segretarji Parlamentari
Membri Parlamentari
Sinjura Sindku u kunsilliera
Personalitajiet distinti
Għeżież Bormliżi,
Illum ninsabu miġburin hawnhekk sabiex b’mod uffiċċjali jiġi miftuħ il-baċir no 1.  Baċir li jaf il-ġrajjiet ta’ din il-belt sa mill-1841.  Minn jaf kemm persuni daħlu hawnhekk u batew biex jaqilgħu il-ħobża ta kulljum.  Kemm familji mill-Kottonera ibbenefikaw mir-riżorsi li dan il-post kien iħaddan. It-Tliett ibliet kienu l-ewwel ibliet li ibbenefikaw mir-rivoluzzjoni industrijali, fejn bil-mod il-mod minn ekonomija ibbażata fuq l-agrikoltura, il-pajjiż beda jinqaleb għal ekonomija industrijali.
Illum ninsabu f’dan l-istess post. L-istess post Trasformat. L-Arċisqof ta’ Chieti Bruno Forte jgħid illi t-tweġieba għal tant aljenazzjonijiet, u għal tant dilemmi fid-dinja tal-llum hija is-sbuħija.  L-Isbuħija li twassal għat tfittxija tal-veritá u li tagħti għan isbaħ lill-ħajja.  San Tumas t’Akwinu jgħidilna, fil-Kitba tiegħu ‘Summa Theologiae’, illi is-sbuħija fiha tlett affarijiet; sħuħija, armonija u dija.  Naħseb ma nkunx żbaljat li ngħid li dawn it-tlett ħwejjeġ jinsabu f’dan il-proġett. Proġett illi l-għan tiegħu hu li jgħaqqad il-mixja kostali kollha sa mill-Isla għall-Kalkara. Proġett illi jagħti ċertu sens ta’ armonija u ta’ mistrieħ lil kull min jiffrekwentah.  Proġett illi jagħti dehera mill-isbaħ lill-Belt Cospicua, kemm matul il-jum, kif ukoll matul il-lejl bl-għajnuna tal-mixgħela li fih.  Santu Wistin fil-Kitba tiegħu l-Istqarrijiet, jgħidilna illi, li taħseb f’Alla jfisser li taħseb f’dak li hu sabiħ.  U meta jitkellem fuq dak li hu sabiħ fid-dinja, jkun qiegħed iħares ukoll lejn Alla li hu etern, li la fih passat u l-anqas ġejjieni, iżda huwa preżent kontinwu.
Dan donnu huwa it-tifsira tal-pont li jinsab warajna.  Il-pont li jgħaqqad il-passat mall-ġejjieni ta’ din il-Belt. Il-passat li qatt ma nistgħu ninsew, imnisseġ f’ġejjieni ta’tama. Qabża lejn kwalitá ta’ ħajja aħjar. Il-pont tal-għaqda bejn parroċċi, Kunsilli Lokali, għaqdiet parrokkjali u ċiviċi. Il-pont tal-għaqda bejn kulturi, Reliġjonijiet, mentalitajiet u idejat differenti.  Nistgħu inħarsu lejh ukoll bħala il-pont li jgħaqqad l-art mas-Sema. Fejn ifakkarna dejjem li l-ħajja hija mixja, mixja sabiħa, illi fi tmiema fid-daħla tal-ħajja eterna insibu lil Ommna Marija Immakulata hekk sabiħa u mimlija dija, bħalma tinsab fil-monument fid-daħla ta’ dan il-proġett, sabiex tħares u żżomm f’qalbha lil kull min jidħol u joħroġ f’dan il-wied tad-dmugħ, kif ngħidu fis-Salve Regina, biex twassalna fi ħdan il-Missier Etern.
Ma nistax nagħlaq dan il-ħsieb tiegħi mingħajr ma nirringrazzja lill-Ministru tat-trasposrt u l-infrastruttura, l-Onorevoli Joe Mizzi, is-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg, il-Kumitat tar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera, Dipartiment tax-xogħolijiet tal-gvern, Transport Malta, periti, b’kooperazzjoni sħiħa mill-Kunsill Lokali, Bormla, u lil tant persuni oħra, li b’tant bżulija u dedikazzjoni ħadmu biex dan il-proġett li jixraq lill-Belt Cospicua issir realtá.

 

Fr. Reuben
Arċipriet