Il-Kelma tal-Arċipriet - Diċembru 2014

Ferħ u Bidla

Kull twelid fil-familja jġib miegħu ferħ kbir.  Kemm tisma’ ibda min-nanniet li jgħidulek, x’bidla ġabet din it-tarbija fil-familja, kemm aħna kuntenti u magħqudin.  X’bidla ġġib it-tarbija lill-ġenituri tagħha, iktar u iktar meta dawn jibdew jifhmu li daqqa waħda ħajjithom m’għadhiex tagħhom it-tnejn bħala koppja, iżda li issa hija t-tarbija li qiegħda tinfluwenza kull deċiżjoni li l-koppja qiegħda jew għandha bżonn tieħu.

Bl-istess mod il-Milied huwa ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ tarbija.  Tarbija speċjali: Ġesù Bambin. Din it-tarbija wkoll ġabet il-ferħ, ferħ mhux biss fil-familja tiegħu, ta’ Marija u Ġużeppi, iżda ferħ ukoll fl-umanità kollha.  Bħalma bdew ikantaw l-anġli tas-smewwiet ‘Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.’

Din it-tarbija ġabet ukoll bidla.  Bidla fil -familja tagħha stess. Dan għaliex Marija u Ġużeppi għaddew proprju minn kambjamenti kbar minħabba din it-tarbija.  Biss biss kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu minħabba li Erodi ħareġ l-ordni li joqtol it-trabi kollha ta’ mit-twelid sa erbà snin.  Iva, Ġesù ġab bidla akbar. Dik tat-tagħlim u ta’ stil ta’ ħajja ġdida.  Bidla fil-mod ta’ kif il-bniedem għandu jħares lejn il-ħajja, lejh innifsu u lejn Alla.

Dan huwa l-Milied.  Il-Milied ifisser dan kollu - Bidla.  Aħna dan il-Milied kif se ngħixuh?  Se nħallu tassew il-ferħ tal-Milied jidħol fil-qalb tagħna, fil-ħajja tagħna.  Se nħallu dan iż-żmien tal-Milied iġib bidla fil-mod kif inħarsu lejna nfusna, lejn ta’ madwarna  u lejn Alla.  Il-Milied huwa sejħa. Alla li jsejħilna biex kull fejn ikun hemm il-ħajja nwelldu lil Ġesù Bamin. Li jfisser li miegħu inġibu l-ferħ, iżda fl-istess waqt il-bidliet li jkun hemm bżonn nagħmlu f’ħajjitna. Kemm minna niddeċiedu li nagħmlu proponimenti għas-sena d-dieħla.  Ejjew tassew inħallu l-ħajja tagħna tinbidel għall-aħjar.  Ejjew inkunu n-nies tal-ferħ, bit-tama li tiġi fil-qalb tagħna, u nkunu in-nies tal-bidla ġenwina tal-qalb li għandha l-għatx għal Alla.

Fr. Reuben
Arċipriet