Il-Kelma tal-Arċipriet - Frar 2014

Konverżjoni u Indiema

San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Filippin jgħid “ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biża’ u tregħid” (Fil 2, 12).  Jgħid dan għaliex biex wieħed jikseb il-ħelsin sħiħ irid bilfors jaħdem għas-salvazzjoni sħiħa tiegħu. Is-salvazzjoni tfisser li wieħed jikseb l-ogħla livell li għalih il-bniedem ġie maħluq. Li jkun għal kollox fil-grazzja ta’ Alla . . . . fl-imħabba ta’ Alla.

Dan ma jsirx waħdu jew bix-xejn. Nista’ nsemmi erba’ aspetti li wieħed irid ikun jixtieq biex jasal għal din il-konverżjoni:

i. Li l-persuna tkun tassew tixtieq li tikseb indiema sħiħa tan-nuqqasijiet tagħha.
ii. Li tieħu kull opportunità li l-providenza ta’ Alla tipprovdi biex tassew tikseb ħajja ġdida.
iii. Li tkun tixtieq tassew, bil-ħsieb, bil-qalb u bis-saħħa kollha li tbiddel il-ħajja tiegħek.
iv. Li jkun hemm il-ħeġġa biex tikseb l-esperjenza ta’ Alla.

Dawn huma erba’ aspetti li persuna jekk tassew tixtieq tibdel ħajjitha u tgħix aktar ħielsa għandha bżonn biex tasal għal dan il-għan. 

San Franġisku ta’ Sales jgħid illi l-bniedem li tassew irid jikkonverti irid jinduna li ma jistax jibbaża din il-mixja ta’ fidi fuq il-ħiliet tiegħu. Anzi jrid jemmen bis-sħiħ illi ma jridx jafda fih innifsu, iżda jrid jafda totalment fil-qawwa u fl-imħabba ta’ Alla. San Franġisk ikompli jgħid li dan huwa l-bilanċ li l-bniedem irid joħloq bejn il-Jien u Alla.

Naħseb ma nkunx qed niżbalja jekk inqabbel dan il-ħsieb, mal-kliem ta’ Ġwanni l-Battista meta jgħid, “jeħtieġ li niċkien jien u jikber Hu”. Huwa tassew minnu li Alla jaħdem meta ma npoġġux lilna nfusna fiċ-ċentru tal-ħajja.

Jekk tassew tixtieq tikber f’Alla u tgħaraf li inti iben maħbub minnu, li inti bint maħbuba minnu, warrab il-ħafna biżgħat li trabbew tul iż-żmien u intelaq f’idejH. Afda dejjem aktar fiH. Ukoll jekk tħossok ’il-bogħod ħafna minnu. Agħraf id-dgħufijiet tiegħek u għidlu Mulej dan jien. Ma nafx x’għandi nagħmel. Agħraf ix-xejn tiegħek, quddiem l-immensità ta’ Alla. Fl-aħħar mill-aħħar huwa Alla li jrid jibni u mhux aħna, kif jgħidilna l-imgħallem stess “għalxejn jitħabtu l-bennejja jekk ma jkunx Alla li jibni”.

 

Fr. Reuben
Arċipriet