Il-Kelma tal-Arċipriet - Mejju 2014 : L-Ewkaristija

Xahar li fih nagħtu aktar importanza lill- Ewkaristija fejn niċċelebraw Corpus u l-Qalb ta’ Ġesù. Xahar li fih nistgħu niskopru aktar x’għamel Alla għalina. Tana lilu nnifsu billi offra lilu nnifsu u ta’ kuljum jingħata għalina fl-Ewkaristija. X’misteru u x’meravilja meta naħsbu fil-fond xi tfisser li Alla jsir xejn għalina fl-Ewkaristija. Alla li jsir xejn biex lili u lilek jgħollina ’l fuq.

Iżda dan xi jfisser għalina? Ifisser li Alla stess jgħallimna dwar x’irridu nagħmlu biex aħna jkollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra. Jgħallimna li l-ewwel nett bħalu nitgħallmu xi tfisser li nkunu umli, xi tfisser li nkunu ċkejknin, xi tfisser li nkunu ubbidjenti, xi tfisser li ningħataw għal ħaddieħor, xi tfisser nkunu mal-oħrajn u għall-oħrajn.

Is-sabiħ ta’ Alla huwa li ried jgħallimna kif għandna nkunu billi hu stess sar bniedem bħalna u permezz ta’ kliemu u għemilu għallimna kif għandna nkunu biex inkunu strumenti f’idejn Alla u bnedmin li nħobbu lil xulxin.

Tajjeb li matul dan ix-xahar nippruvaw nagħmlu sforz akbar biex insiru aktar persuna Ewkaristiċi, persuni li nħobbu nkunu fil-preżenza tal-Ewkaristija.

 

Fr. Reuben
Arċipriet