Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2014

Fejn se mmorru din is-sena bħala parroċċa?

Fejn se mmorru din is-sena bħala parroċċa?

Naħseb li lkoll taqblu miegħi li parroċċa li ma tiħux ħsieb il-batut u d-dgħajjef ma tkunx qed taqdi b’responsabbiltà d-dmirijiet tagħha. Dan id-dmir inħoss li lkoll kemm aħna għandna nħossuh fil-qalb tagħna. Il-mistoqsija li nqajjem hija, iżda b’liema mod għandna naqdu din il-missjoni?

Sfortunatament it-tweġiba mhijiex faċli, u nistqarr magħkom sa issa nħoss li għandna ħafna trufijiet u għalhekk tkun aktar diffiċli nagħrfu x’għandu jsir. Dan għaliex huma ħafna l-għajnuniet ċivili għal dawn il-persuni li huma fil-bżonn, kemm bħala għajnuniet ekonomiċi, iżda wkoll bħala għajnuniet ta’ pariri u ta’ servizzi, iżda sfortunatament xi kultant donnu wieħed ikun qiegħed jagħżaq fl-ilma. Għalhekk, xi kultant naħseb bejni u bejn ruħi, allura x’inhu meħtieġ?

Kif nistgħu ndewbu diversi mentalitajiet li uħud għandhom u forsi dawn l-istess mentalitajiet qegħdin ipoġġuhom fis-sitwazzjoni li jkunu fihom. Jew inkella, kif nistgħu nagħtu l-għajnuna lil tant illi sfortunatament, kontinwament u f’kull ambjent qegħdin joħorġu u jiżolqu mis-sistemi soċjali li għandna. Kif ukoll jiżolqu ’l barra mill-mixja spiritwali u ta’ fidi. Naħseb li l-imħabba trid tkun l-ewwel valur li rridu nħaddnu b’mod aktar radikali. L-imħabba ma tfissirx li toqgħod għal kollox, jew li ċċedi għal kollox, iżda tfisser li għax tħobb tipprova tifhem u tagħti d-direzzjoni. Tipprova tħoss ma’ dak li jkun u fl-istess waqt tgħin lill-persuna tqum fuq saqajha. L-Edukazzjoni tilgħab ukoll parti importanti f’dan kollu. Jekk mhux se jirnexxilna nidħlu fix-xibka li ħafna drabi żżomm tant persuni ’l isfel fis-soċjetà permezz tal-edukazzjoni, mhux se jirnexxilna nbidlu r-rotta ta’ diversi ħajjiet, li għandhom il-kapaċità, li għandhom il-kwalitajiet, iżda li sfortunatament ma jaħtfux l-opportunitajiet li jiġu quddiemhom biex jirnexxu aktar fil-ħajja u biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Nitlob lill-Mulej sabiex jibgħatilna persuni li lesti jgħinu f’dan il-qasam ukoll fuq livell parrokkjali, biex iva bħala komunità nirrispondu aktar għal dawn il-ħtiġijiet. Kull qatra tgħodd, u għaldaqstant qatt ma għandna naqtgħu qalbna.

 

Fr. Reuben
Arċipriet