Il-Kelma tal-Arċipriet - Lulju 2014

Qegħdin fis-Sajf u s-Sajf bħal kull staġun ieħor fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu. Fih il-vantaġġ illi jinħoloq ambjent aktar soċjevoli għaliex in-nies aktar toħroġ. Iżda fih l-iżvantaġġ illi joħloq ċertu sens ta’ telqa.
Bħal fil-ħajja spiritwali. Trid tgħix il-fidi tiegħek flimkien mal-oħrajn u fl-istess waqt tista’ faċilment tintelaq u tirkbek il-bruda.
Ninsabu fi żmien fejn wieħed faċli jgħid li jgħix il-fidi tiegħu waħdu. Iżda x’sens fiha li tgħix l-ispiritwalità tiegħek waħdek meta fiha nnifisha li tkun spiritwali tfisser li tkun mal-oħrajn. Li tifraħ mal-oħrajn. Li tibki mal-oħrajn.

Tħallix li dan is-Sajf ikun żmien ta’ pawża mill-fidi. Anzi kif forsi ssib il-mistrieħ fih, sib ukoll il-mistrieħ mal-Mulej fit-talb, fil-qari tal-Kelma ta’ Alla u fl-Adorazzjoni.

Fr. Reuben
Arċipriet