Il-Kelma tal-Arċipriet - Marzu 2014

 

Is-Sens tas-Sawn fil- ħajja tan-nisrani

Fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu “Imma jasal il-Jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar”. (Mk 2:20)
L-għarus ittieħed minna. Ninsabu f’dawk il-jiem meta Kristu mhuwiex preżenti fostna fiżikament, iżda jinsab preżenti fostna bil-qawwa tal-Ispirtu. Għalhekk issa huwa ż-żmien tas-Sawm.

Iżda x’inhu s-Sawm?
Is-Sawm huwa li tiċċaħħad mill-ikel għall-imħabba ta’ Alla. Dan ifisser ukoll li mill-ġdid terġa’ tiskopri xi tfisser li tgħix il-ħajja f’sempliċità. Is-Sawm jgħin lill-bniedem ikun qalb waħda u mhux maqsum fih innifsu. Infatti f’ Mt 6;24 insibu “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lil ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor”. Il-bniedem ma jistax ikun qaddej ta’ żewġ sidien. Is-sawm qiegħed hemmhekk biex jgħinna nżommu sid wieħed lil Alla.

Dan għaliex?
It-triq għall-perfezzjoni hija dik li tabbanduna dak kollu li mhuwiex ta’ Alla u li hu ta’ din id-dinja biex tikseb il-ħelsien sħiħ f’Alla. Għalhekk is-sawm jgħin lin-nisrani biex iżomm lil Alla bħala l-uniku sid tiegħu għax:

i. Iħoss il-ħtieġa li jinħeles mill-ħakma ta’ din id-dinja u jsegwi lil sid wieħed, li hu Ġesù Kristu.

ii. Billi jiċċaħħad mill-affarijiet ta’ din id-dinja ikun qiegħed jimxi b’aktar qawwa u b’aktar determinazzjoni wara l-Mulej Ġesù.

iii. Ikun irrid jiċċaħħad minnu nnifsu u jimxi wara Ġesù (Ara Mt 16:24).

iv. Biex ma jirċevux il-konsolazzjonijiet u l-kumdità ta’ din id-dinja biss u għalhekk jiġri bħalma ġralu l-għani fil-parabbola li jirrakkonta Kristu nnifsu li meta jiltaqa’ miegħu jgħidlu “Ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh (Lq 6;24).

v. Jaf li biex tikseb it-teżor moħbi fl-għalqa, trid taħdem ħafna għalih, tiċħad lilek innifsek u timxi wara l-Mulej Ġesù.

Ninsabu f’dan iż-żmien qaddis li jwassal għall-passjoni, mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ejjew tassew dan ir-Randan ngħixuh b’aktar determinazzjoni u nużaw mezzi bħalma huwa s-sawm biex nikbru aktar fl-għarfien ta’ Alla bħala l-uniku Sid ta’ ħajjitna.

 

Fr. Reuben
Arċipriet