Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2014

Int Tista' Tagħmel Differenza !

F’dan ix-xahar niftakru b’mod speċjali fl-għeżież tagħna li ħallew din il-ħajja bit-tama tal-qawmien. Niftakru fil-mejtin kollha.  Fl-istess waqt niftakru fil-qaddisin kollha. Dan għaliex aħna lkoll nemmnu li s-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna hija li nsiru qaddisin. 
Iżda, qabel xejn insaqsi, kemm tassew nemmnu li ħajjitna ssib il-milja tagħha f’ħajja li m’hijiex marbuta ma’ din id-dinja?  Jew aħjar kemm aħna konxji illi dak li hawn f’din il-ħajja jgħaddi malajr? 
M’ilux kont qiegħed funeral u l-predikatur qal dan li ġej, “Ħajja li ma tgħixhiex għal ħaddieħor, hija ħajja moħlija”. Kemm hu minnu dan il-kliem. Il-bniedem jekk mhux qed jgħix ħajtu biex jingħata għal ħaddieħor, imqar għal persuna waħda, il-ħajja tiegħu donnha tiġi mingħajr għan.
Aħna rridu nkunu dawk illi meta nħarsu lejn ħajjitna naraw illi ħajjitna qiegħda ssib il-milja tagħha mhux f’affarijiet li fihom infushom m’għandhom l-ebda sens u li meta tipprova tagħsarhom tinduna illi f’idejk m’għandek xejn.  Jekk noqogħdu niġru wara affarijiet li jidhru kbar, nispiċċaw insibu lilna nfusna ngħumu f’baħar ta’ aljenazzjoni u vojt.  Jekk bil-maqlub f’ħajjitna nfittxu biex l-affarijiet iż-żgħar nagħmluhom b’qalb kbira, hekk ħajjitna tkun aktar bis-sens u tagħmel differenza. B’hekk biss tkun tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv lil ħaddieħor. 

Forsi tgħidli, imma jien x’differenza nista’ nagħmel lil ħaddieħor? Iva tista’, billi tħobb lil ħaddieħor. 

Kien hemm mara illi kienet taħseb li m’hijiex rispettata u maħbuba.  Kienet tħoss illi ħadd ma jafdaha u li ħadd ma jieħu gost bil-preżenza tagħha.  Darba sabet persuna li tassew bdiet tirispettaha u tħobbha. Din il-mara minn waħda magħluqa u li kważi tiddejjaq tħares lejn wiċċ in-nies, bdiet bil-mod il-mod tirbaħ il-kunfidenza fiha nnifisha u b’hekk bdiet issir aktar soċjevoli.  Fi ftit żmien għax sabet min tassew iħobbha ħajjitha u l-mod kif tħares lejn il-ħajja nbidlet.

Mela m’għandniex għalfejn inħarsu fil-bogħod, jew naraw kbir biex forsi nbidlu l-ħajja ta’ xi ħadd. Anzi ħares lejn dawk li tgħix magħhom u għid kemm tassew nurihom rispett, kemm nagħtihom kuraġġ u mħabba.  Permezz ta’ dawn il-kwalitajiet tinduna li tassew tkun qed tagħmel differenza, forsi mhux lill-kotra, iżda lil dawk li taqsam ħajtek magħhom. 

 

Fr. Reuben
Arċipriet