Il-Kelma tal-Arċipriet - Ottubru 2014

Spiss nisma’ min jgħid, Alla fejn jinsab? Madwarna hawn għaddej bosta inkwiet, gwerer, ġlied, persekuzzjonijiet. Alla fejn jinsab?

Darba kien hemm waħda għalliema fl-Amerika u sfortunatament seħħet diżgrazzja fl-iskola u bosta kienu dawk l-għalliema li ħaduha kontra Alla, għax qalu kif jista’ jkun li Alla jippermetti li jiġri dan kollu?  Mela Alla abbandunah lill-bniedem?  L-għalliema wieġbet b’dan il-mod.  “Aħna bħala soċjetà ddeċidejna li nkunu soċjetà lajkali, li tfisser li r-Reliġjon u Alla ma jibqgħux fiċ-ċentru tal-għażliet li jagħmel il-bniedem.  Iddeċidejna li nneħħu s-slaleb mill-postijiet  pubbliċi għax issa sirna soċjetà miftuħa għal kull tip ta’ idejoloġija u filosofija.  Bħala soċjetà ddeċidejna li ninfetħu għal kull tip ta’ moralità jew nuqqas ta’ moralità bl-iskuża li kulħadd għandu d-dritt tal-opinjoni u tal-espressjoni.”  Wara dan kollu din l-għalliema qalet: “U issa kif ngħidu li Alla warrabna.  Huwa minnu li Alla warrab il-bniedem, jew il-bniedem warrab lil Alla?”

Kemm huwa minnu dan li wieġbet din l-għalliema.  Ħafna drabi l-bniedem iwaħħal f’Alla f’dak kollu li jiġrilu.  Iżda l-bniedem qiegħed jgħix skont dak li jogħoġob lil Alla, jew lil Alla qiegħed jinsih?

Aħna lkoll nafu li f’dan ix-xahar nagħtu importanza speċjali lil Ommna Marija taħt it-titlu tar-Rużarju.  Kemm tassew nistednuha lil Ommna Marija permezz ta’ din it-talba, sabiex tkun hi li tħarisna u tipproteġi l-familji tagħna.  Kemm tassew bħala familji niddedikaw ħin lil Alla, biex nitolbuh u jipproteġina mill-ħafna diffikultajiet u problemi li niltaqgħu magħhom matul il-ħajja? 

Ejjew inkunu tassew sinċieri magħna nfusna, u dak li hu abjad ngħidulu abjad u dak li hu iswed ngħidulu iswed.  Huwa Alla li nesa l-bniedem? Jew il-bniedem qiegħed dejjem jipprova jgħix mingħajr Alla? 

 

Fr. Reuben
Arċipriet