Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2015

 Ngħixu l-ferħ tal-Għid

“Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-Sliem għalikom”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej” (Ġw20, 19-20).

Dan huwa l-ferħ tal-Mulej—il-ferħ tal-Mulej irxoxt.  Dan l-istess ferħ il-Mulej irid jagħtih lilna lkoll, lili u lilek.  Il-Mulej sejħilna sabiex aħna nkunu ferħana.  Jiena sejjaħtilkom biex il-ferħ tagħkom ma jintemmx u biex ikollkom il-ferħ fil-milja tiegħu.  Din hi s-sejħa li l-Mulej ipoġġi fil-qalb ta’ kull min tassew ipoġġi t-tama tiegħu fiH.

Alla tagħna huwa Alla tal-abbundanza.  Dan ifisser Alla li dejjem lest li jagħtina u li jagħtina bil-kotra dak li jkollna bżonn.  Alla illi jekk nintelqu f’idejH ma jħalliniex nieqsa minn dak li għandna bżonn.  Anzi ma jħalliniex nieqsa mill-essenzjal tal-ħajja. B’mod speċjali f’dak li jkabbarna spiritwalment. 

Meta darba lil Papa Franġisku staqsewh dwar x’jagħmel lill-bniedem ferħan semma diversi punti, fosthom, li l-bniedem għandu jitgħallem jaċċetta lilu nnifsu u lil ta’ madwaru. Li fil-ħajja m’għandux ikabbar id-diffikultajiet li jiltaqà magħhom, iżda jqishom tad-daqs li huma.  Jgħid li l-bniedem tal-lum sfortunatament minħabba l-ħajja mgħaġġla li qegħdin ngħixu fiha, qiegħed jispiċċa jinsa l-ħin tal-mistrieħ u l-ħin ma’ dawk li jirrispettawh.  Iżid ukoll il-ħtieġa li wieħed jitgħallem ma jgħidx fuq l-oħrajn u ma joqgħodx ixewwex fuq l-oħrajn, għaliex din ittaqqal l-ispirtu li wieħed ikun jgħix fih.  Isemmi wkoll il-bżonn li l-bniedem japprezza l-ambjent ta’ madwaru.  Fl-aħħar u mhux l-inqas il-ħtieġa li l-persuna titgħallem tingħaqad fl-Ispirtu mal-ħallieq tagħha, biex b’hekk timla l-vojt li wieħed iġorr f’qalbu meta jkun imbiegħed minn Alla. Minn dak li jagħtih il-ħajja fil-milja tagħha.

In-nisrani huwa dak li jgħix il-ferħ tal-Vanġelu.  Ejjew ħuti ngħożżu l-fidi tagħna, il-fidi fil-Mulej Ġesù li qam minn bejn l-imwiet u li huwa ħaj fostna.

 

Fr. Reuben
Arċipriet