Il-Kelma tal-Arċipriet - Frar 2015

Naqraw is-Sinjali taż-żminijiet

Inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna naraw kemm hawn affarijiet għaddejjin. Imqar nixegħlu ftit l-aħbarijiet u nisimgħu ħafna ġrajjiet li xejn ma jkunu sbieħ la għal widnejna, u iktar u iktar għal għajnejna.
Mingħajr ma rridu nsaqsu, x’inhu jiġri madwarna? Jew aħjar, nistgħu ngħidu, kif għandna nħarsu lejn dawn il-ġrajjiet?
In-nisrani huwa dak li għalkemm ma jifhimx jipprova jpoġġi dawn il-ġrajjiet fid-dawl ta’ Alla. Tgħiduli, mela Alla tagħna huwa Alla li jippermetti dawn id-diżastri u din il-vjolenza kollha madwarna?  Inwieġeb billi ngħid, le, Alla tagħna ma jiħux gost bid-diżastri u bit-tbatijiet tal-bniedem, iżda sfortunatament il-bniedem dejjem jiddeċiedi li jpoġġi lilu nnifsu qabel Alla, u meta jiġri hekk, il-bniedem jitlef il-mod kif għandu jħares lejn il-ħajja u lejn ta’ madwaru. Affarijiet li m’humiex importanti jibdew jingħataw importanza żejda.  Ideali mhux f’posthom jibdew isiru l-assolut tal-għixien tal-ħajja.  Sfortunatament f’isem dan kollu, wieħed sa jibda jasal biex jeqred il-ħajjiet ta’ bnedmin oħra f’isem ideali li xejn ma jkunu jaqblu mat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed forsi jerġà jsaqsi u jien x’għandi nagħmel?  Nippreferi ma nikkummentax quddiem dawn l-inġustizzji? Nitkellem bl-addoċċ fuq dak li hawn għaddej? Ngħaddi preġudizzji żbaljati? Nibqà sieket bħal li kieku mhu qed jiġri xejn?  Ninħakmu mill-biżá?

Waħda mill-għodod li n-nisrani għandu u li forsi għadna ma skoprejniex biżżejjed hija propja l-għodda tat-talb.  Forsi ftit tgħaddilna minn moħħna kemm għandna bżonn nitolbu biex quddiem dawn ir-realtajiet ikollna l-għajnuna u l-protezzjoni ta’ Alla.  Iva, in-nisrani jrid juża aktar ħin fit-talb, u jitlob lil Alla biex jeħilsu mill-inkwiet żejjed, iżda wkoll mill-persekuzzjonijiet. Inpoġġu wkoll dawn l-intenzjonijiet tagħna f’idejn Ommna Marija, hi li ddefendit lil binha Ġesù quddiem il-massakru tat-tfal innoċenti ordnat mis-sultan Erodi. Ejjew nitolbuha sabiex tkompli tħares lil uliedha u lill-Knisja ta’ binha Ġesù.

 

Fr. Reuben
Arċipriet