Il-Kelma tal-Arċipriet - Ġunju 2015

Immur il-quddiesa, jew immur il-quddies?

Inħarsu lejn it-titlu għandu mnejn isaqsi, dan x’irid jgħid bih? It-titlu jfisser li jew  nattendi u nitlob il-quddiesa, bla dubju u bla xkiel ta’ xejn, jew insaqsi lili nnifsi jekk għandix immur il-quddies kull darba li jasal il-Ħadd. Jistà jkun ukoll li  l-anqas inħoss il-ħtieġa li nsaqsi għax l-anqas tgħaddili minn moħħi li għandi għalfejn nitlob il-quddiesa.
Fit-tberik tal-familji li għadna kif għamilna ninnutaw illi huma diversi dawk li ma jħossux il-ħtieġa li jersqu lejn il-knisja.  Hemm min jgħid li ma jsibx   iċ-ċans. Hemm oħrajn jgħidu li għalihom biżżejjed li jitolbu d-dar. Hemm min jaħseb li bit-talba tal-quddiesa u mingħarjha ħajtu mhux se tagħmillu differenza. Hemm min jirraġuna li m’għadux jemmen.
Huma diversi r-raġunijiet li wieħed iġib, uħud huma realtajiet li tassew ikunu qed joħolqu diffikultajiet, oħrajn min-naħa    l-oħra huma realtajiet fil-ħsieb biss tal-persuna.
Il-quddiesa jew iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hija l-isbaħ talba li tagħtina  l-Knisja.  Il-Qaddisin tal-Knisja kollha juruna permezz tal-ħajja tagħhom li kellhom imħabba speċjali lejn l-Ewkaristija.
Ix-xahar ta’ Ġunju huwa x-xahar marbut mal-Ewkaristija.  Papa Franġisku jgħidilna fid-diskors li għamel fit-12 ta’ Frar 2014 illi l-Ewkaristija m’hijiex biss mod ta’ kif tiċċelebra l-fidi tiegħek, iżda trid taffettwa b’mod radikali  r-relazzjonijiet tiegħek mal-oħrajn, b’mod speċjali bil-mod kif tħares lejn l-aktar batuti.
Hawnhekk insaqsi:
i. Kemm tassew l-Ewkaristija qiegħda tbiddilli l-mod kif inħares lejn l-oħrajn?
j. Kemm nipprepara lili nnifsi biex nitlob il-quddiesa?
iii.L-imġiba tiegħi fil-Knisja kemm qiegħda tkun tajba?
iv.Jekk tassew nemmen fil-qawwa tal-quddiesa, għalfejn ma mmurx aktar ta’ spiss, u mhux biss il-Ħadd?

 

Fr. Reuben
Arċipriet