Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2015

Sena ġdida jew sena bħas-soltu?

Qawl Indjan jgħid:  L-aħjar attitudni hija li mhux tiprova tkun aħjar minn ħaddieħor, iżda li tkun aqwa minn dak li int illum.  Kemm huwa qawl eċċellenti, aħna li għadna kif bdejna din is-sena l-ġdida.  Dan il-qawl ifisser li biex timxi l’ quddiem li jgħodd huwa mhux li tkun aħjar minn ħaddieħor, iżda li inti issir dejjem persuna aħjar. 
Bdiet sena ġdida. Ħafna jgħidu li jagħmlu diversi proponimenti, jew jiehdu diversi deċiżjonijiet li permezz tagħhom iħossu li jistgħu itejbu l-ħajja tagħhom u dik ta’ dawk ta’ madwarhom.  Wieħed jistaqsi kemm tassew nemmnu li aħna nistgħu ninbidlu.  Kemm tassew temmen li inti tistá tinbidel? Sfortunatament kemm il darba jiġrilna li naħsbu li aħna ma nistgħux ninbidlu jew naħsbu li ma nistgħux negħlbu id-difetti tagħna.  Il-veritá hija li nistgħu naħdmu fuqna nfusna u nirranġaw għal aħjar l-imġieba tagħna.

Kien hemm raġel illi dan ma kellux għan fil-ħajja. Ma kienx jaf se jaqbad jagħmel b’ħajtu.  Għalih il-ħajja kienet moħlija, ma kellix skop.  L-inkwiet tiegħu kien kemm se jdum ma ħajtu tintemm.  Ma kellux imħabba.  Ġara illi ġurnata minnhom iltaqá má persuna illi bi kliemha urietu mod ieħor kif iħares lejn il-ħajja.  Urietu illi l-ħajja mhux dejjem skond kif tkun qed tarha inti tgħodd, iżda skont kif tassew hi.  Kemm hu minnu li xi drabi aħna l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja jinfluwenza il-mod kif aħna stess inġiebu ruħna.  Faċilment inħossuna mkissrin jew mgħaffġa, jew ikollna ideja żbaljata tagħna nfusna, jew ta’ ħajjitna.

Matul din is-sena ejja nitgħallmu nħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti.  B’mod aktar pożittiv.  Ejja nipruvaw naprezzaw aktar dak li għandna.  Kemm drabi jiġrilna li minħabba li ninsew is-sabiħ li għandna nispiċċaw nitkissru. 

Sena ġdida . . .  Mod ġdid ta’ ħajja!  Ħares lejn il-ħajja b’kuraġġ!  

 

Fr. Reuben
Arċipriet