Il-Kelma tal-Arċipriet - Lulju 2015

Fidi jew Spiritiżmu ?

Ninsabu fi żmien fejn il-bniedem qiegħed kontinwament iwarrab lil Alla. Jgħid li jemmen fiH, iżda fl-istess waqt ma jsibx il-ħin għalih. Jgħid li jħobb lil Alla, iżda bil-kemm jaħseb fiH.  Jgħid illi għandu l-fidi, iżda fil-verità għandu aktar fiduċja   fl-affarijiet ta’ din id-dinja milli fil-ħwejjeġ ta’ Alla.
Sfortunatament, għall-bniedem meta jwarrab it-twemmin tiegħu f’Alla, xorta waħda jkun irid jimla dan il-vojt b’xi ħaġa spiritwali.  Hemm min idur għal ispiritiżmu, jew għal superstizzjoni.  Hawn min jirrikorri għand is-sħaħar jew għand min jaqra x-xorti bil-ħsieb li jkun jaf il-ġejjieni. Hawn min isegwi dak li jgħidu l-istilel, jew juża l-Ouija board. Issa daħlet komuni wkoll il-logħba Charlie Charlie. Meta nibdew nirrikorru lejn dawn l-affarijiet, ifisser li bla ma nkunu nafu nkunu tant imbiegħda minn Alla, illi nibdew induru lejn l-ispiritiżmu.  Mela meta nwarrbu lil Alla minn ħajjitna, nispiċċaw inpoġġu t-tama tagħna f’affarijiet li Alla stess widdibna biex ma nersqux lejhom. Dan għaliex dawn il-ħwejjeġ ikunu qed jagħmlulna l-ħsara. 
Il-fidi tfisser li nkun qed inpoġġi t-tama tiegħi u l-fiduċja tiegħi f’Alla li huwa mħabba u li tant jixtieqli l-ġid.  Bil-maqlub meta nibda nirrikorri lejn l-ispiritiżmu nkun qiegħed nilgħab ma’ qawwiet illi jixtiequ d-deni lill-bniedem.
Fil-Kelma ta’ Alla hemm kundanna ċara ħafna għal min isejjaħ l-erwieħ, jew jipprova jibni kuntatt mal-ispirti. Fil-ktieb tad-Dewteronomju insibu: “M’għandux ikun hemm ħadd f’nofsok li jgħaddi min-nar lil ibnu jew bintu, lanqas min jeħber, min jitkixxef  il-ġejjieni, min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-mejtin. Għax mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ; u minħabba dawn id-drawwiet koroh li l-Mulej, Alla tiegħek, se jkeċċihom minn quddiemek. Kun perfett quddiem il-Mulej, Alla tiegħek.” (Dewt 18, 10-13).
Għalhekk meta xi ħadd jirrikorri għall-ispiritiżmu biex isejjaħ lir-ruħ ta’ xi ħadd  għażiż għalih li miet, il-Mulej ma jippermettix lil dik ir-ruħ tajba li qiegħda tgawdih biex tiġi tikkomunika ma’ dik il-persuna.  Mela filwaqt li l-persuna taħseb li tkun qed tikkomunika mal-persuna mejta, li jkun qed jiġri huwa li l-ispirtu negattiv, għax jara x-xewqa tal-persuna li tikkomunika mal-mejtin, jieħu  l-okkażjoni biex jikkomunika magħha hu u jieħu post il-persuna mejta.  Għalhekk hija perikoluża ħafna għaliex fil-fatt inti tkun qed tikkomunika max-xitan. 

Hemm ukoll il-periklu li inti ssir  addict għal dawn il-prattiċi tal-ispiritiżmu.  Dan ifisser ukoll li tkun qed tbiegħ l-ikbar don li Alla tak, li hija l-libertà, u tispiċċa skjav ta’ dak li jgħidu l-ispirti.

Min tassew jemmen f’ Alla, m’għandux għalfejn jirrikorri lejn l-ispiritiżmu għax   t-tama tiegħu tkun f’Alla u f’xejn iżjed.

Fr. Reuben
Arċipriet