Il-Kelma tal-Arċipriet - Marzu 2015

 Is-Sens tat-tbatija fil-Ħajja

San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani jgħidilna “Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?  Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża ‘l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.” San Pawl jikteb din l-ittra minħabba l-persekuzzjonijiet kbar li l-insara f’ Ruma bdew għaddejjin minnhom.  Huwa jgħid dan biex jurihom illi bħala persuni li jemmnu f’ Ġesù Kristu m’għandhomx jistennew imġiba differenti magħhom minn dik li irċieva Kristu stess. 

Ninsabu f’dan iż-żmien tar-Randan. Żmien fejn fih qed inħejju għall-ikbar festa tagħna l-insara, it-twaqqif tal-Ewkaristija, il-passjoni u l-mewt, u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Żmien fejn forsi nħarsu lejh bħala żmien li jwassal għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u għall-purċissjoni tal-Irxoxt.  Iżda m’għandniex inħarsu lejn dan iż-żmien b’dan il-mod biss.  Irridu nħarsu lejn dan iż-żmien billi nitgħallmu dejjem aktar min Hu Alla tagħna.

San Pawl jgħidilna li Alla l-anqas lil Ibnu stess ma ħelsu mit-tbatija, aħseb u ara kemm aħna se neħilsu mit-tbatija. 

Min jaf kemm drabi sfortunatament jiġrilna, illi minħabba d-diffikultajiet li niltaqgħu fil-ħajja neħduha kontra Alla jew nibdew inwarrbu t-talb u s-sens tal-fidi mill-ħajja tagħna.  San Pawl qed jurina illi n-nisrani ma jistax jgħix mingħajr tbatija.  Iżda l-mod kif jgħix il-mumenti tat-tbatija li tagħmel id-differenza.

Ir-Randan ifakkarna li l-Mulej Ġesù ta lilu nnifsu fuq is-salib biex lilna jsalvana u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.  Biex jagħmel dan għadda mit-tbatija.  Bl-istess mod, biex aħna nsalvaw u nissaffew min-nuqqasijiet tagħna rridu wkoll ngħaddu mit-tbatija. 

Tajjeb ukoll li nagħmlu distinzjoni bejn diversi tipi ta’ tbatija.  Hemm dik it-tbatija li noħolqu aħna stess fuqna nfusna u fuq ta’ madwarna minħabba d-dnub tagħna stess.  Hemm tbatija li tiġi fuqna minħabba d-dnub ta’ ħaddieħor.  Hemm tbatija li tiġi fuqna minħabba ċirkustanzi tal-ħajja li ma jkollniex kontroll fuqhom.  U hemm tbatija li tiġi fuqna minħabba li tkun qed tipprova tgħix il-Vanġelu.

L-importanti huwa li f’kull mument ta’ tbatija nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq Kristu msallab sabiex ikun Hu li jifdina u li jagħtina l-kuraġġ biex nikbru fl-imħabba, bħalma għamel Hu, kemm fil-mumenti sbieħ tal-ħajja, kif ukoll fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.

 

Fr. Reuben
Arċipriet