Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2015

Naqraw Għemilna

Inħarsu madwarna u x’naraw? . . . Inkwiet, ġlied, persekuzzjonijiet, nuqqas ta’ sinċerità, anomaliji, għira, mibiegħda, gwerer, qtil, u ħafna sitwazzjonijiet oħra li l-bniedem ma jieħux gost bihom, iżda li fl-istess waqt il-bniedem stess iwettaqhom.

Mill-banda l-oħra, għalkemm b’inqas ħoss, naraw nies li kapaċi jħobbu, nies li kapaċi jagħmlu s-sagrfiċċji kbar għal uliedhom u għall-familji tagħhom, naraw nies ġenerużi, nies siekta li jagħtu l-ħin u l-ħidma tagħhom b’mod volontarju, naraw persuni li lesti li jissograw għal imħabba ta’ Alla. 

Minn naħa id-dinja, l-umanità qiegħda taffaċċja ħafna diffikultajiet, minn naħa l-oħra għad hawn ukoll ħafna tajjeb, għalkemm madwarna jinstema biss l-ikrah u l-iebes.

Jiena ma’ liema parti tal-munita nagħmel? L-effet tal-imġieba tiegħi fuq is-soċjetà x’hinu? 

Huwa minnu li forsi, bejni u bejn ruħi, naħseb u ngħid, mela jiena se naffetwa lid-dinja?  Iżda hija verità li jiena naffettwa id-dinja ta’ madwari; dawk li ngħix magħhom, dawk li jaħdmu miegħi, il-familjari, il-ħbieb, il-ġirien u konoxxenzi oħra.  Iva, kulħadd jaffetwa lil ħaddieħor.  Jew fit-tajjeb jew fil-ħażin.

Dawn is-sinjali fil-ħajja tiegħek tarhom, taqrhom jew le?  Fuq skala dinija ġibt diversi eżempji ta’ kif l-umanità qiegħda ta’ kulljum toħloq ambjenti diffiċli, jew ta’ kif l-umanità qiegħda tgħix fil-paċi u l-imħabba.

Aħna liema sentimenti imexxuna? Liema imġieba tmexxina? 

Aħseb ftit.

 

Fr. Reuben
Arċipriet