Il-Kelma tal-Arċipriet - Ottubru 2015

Inħarsu lejha biex nitgħallmu minnha

Illum mhux qiegħed nirreferi għal Ommna Marija Immakulata, iżda qiegħed nirreferi għal Santa Tereża ta’ Avila.  Persuna kbira fl-istorja tal-knisja.  Bniedma li permezz tal-kitba rnexxielha twassal dak li hemm fil-profondità ta’ qalbha, fir-relazzjoni mistika bejnha u Ġesù. Bniedma li permezz tar-riformi li wettqet fi żmienha wriet fil-konkret xi jfisser il-kliem tal-vanġelu, inbid ġdid, f’damiġjani ġodda.  Bniedma illi kienet profeta u strument leali f’idejn Alla.

Propju għamlet dan kollu f’epoka fejn il-bniedem kien diġà għaddej minn żminijiet fejn beda jiddubita, isaqsi dwar l-eżistenza ta’ Alla.  F’ epoka fejn kienu diversi l-ereżiji li bdew jinxterdu dwar il-fidi kattolika u hi ta’ mara li kienet, irnexxielha permezz tat-talb, iżda wkoll permezz tal-perseveranza u d-determinazzjoni, tqajjem riħ ġdid fil-knisja.

Għeżież, meta l-Ispirtu ta’ Alla jonfoħ ma jonfoħx għalxejn, iżda jagħmel dan biex joħloq bidla.  Bidla lejn era aktar qaddisa, pura u perfetta.

Aħna l-bnedmin m’aħniex kapaċi nagħmlu dan waħedna, iżda permezz tal-Ispirtu ta’ Alla iva.

Għalhekk filwaqt li qegħdin niċċelebraw il-500 sena mit-twelid ta’ Santa Tereża, nitolbu lil Alla biex lilna lkoll jagħtina spirtu ta’ Dixxerniment biex nagħrfu x’ inhu dak li Alla tassew irid minn kull wieħed u waħda minna.

 

 

Fr. Reuben
Arċipriet